Feb 17th

Randan 2021

ByCarmelite Priory Mdina | In News

Għeżież ħbieb,

F’dan iż-żmien partikulari ta’ pandemija, it-tema magħżula mill-Qdusija Tiegħu il-Papa Franġisku għar-Randan hija waħda ta’ tama: “Ara, aħna telgħin Ġerusalemm…” (Mt 20:18). Ir-Randan: Żmien li fih niġġeddu fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba.” 

Sewwasew sena ilu konna fuq l-għatba li pajjiżna jintlaqat ukoll mill-pandemija. Konna diġà bdejna nisimgħu bit-tifrix tagħha f’pajjiżni oħra sakemm misset il-pajjiżi ġirien u f’qasir żmien daħlet fostna u bil-mod il-mod ħajjitna nbidlet mil-lejl għan-nhar u għaddiet minn fażijiet ta’ nżul u tlajja’ fil-mod ta’ kif għexna u qed nitgħallmu ngħixu biha. F’ċertu sens din hija sitwazzjoni li umiljatna lkoll, li neżżgħatna. Żmien ir-Randan huwa żmien liturġiku tajjeb ħafna biex dan it-tneżżiegħ ngħixuh b’mod spiritwali. Nisimgħu ħafna fil-liturġija tar-Randan ġrajjiet li fihom individwi u popli “umiljaw ruħhom quddiem Alla”. Nisimgħu l-espressjoni spissa tas-Salmi “b’qalbna mgħaffġa u ruħna mċekkna”. Niftakru li dan kollu fl-Iskrittura huwa espressjoni ta’ sinjal ta’ grazzja, mhux fl-umiljazzjoni u t-tgħaffiġ fih innifsu, iżda għax huwa okkażjoni li fih il-bniedem jiġi wiċċ imb’wiċċ maċ-ċokon, max-xejn tiegħu, u allura hemm iktar ċans li jiggranfa ma’ Alla… mhux bilfors! Għax mumenti bħal dawn jafu jitfgħuna iktar f’atteġġjament ta’ telqa li ma tagħmlilniex ġid.

L-istedina dar-Randan hija li niġġeddu fil-fidi billi nfittxu l-Verità fi Kristu li niżel fostna u għamilna lkoll aħwa, niġġeddu fit-tama billi nxammru jdejna ħalli nibnu mill-ġdid dinja aħjar u niġġeddu fl-imħabba billi nirrelataw ma’ xulxin bil-ħniena li tagħder, tifhem, u tilbes iż-żarbun tal-ieħor.

Bħalma lkoll nafu fil-Karmnu tal-Imdina iż-żmien tar-Randan is-soltu ngħixuh b’diversi attivitajiet spiritwali, reliġjużi u formattivi li din is-sena ma tippermettix li nagħmluhom biex inħarsu s-saħħa ta’ kulħadd.

Madanakollu

  1. il-Liturġija tal-Quddiesa kuljum se tibqa’ tiġi mxandra online fuq il-paġna facebook
  2. il-Lectio Divina fl-20 ta’ Frar u 12 ta’ Marzu se jsiru online. Kull min jixtieq jieħu sehem jibgħat messaġġ fuq info@carmelitepriory.org sabiex tintbagħtlu l-ħolqa.
  3. il-klassi tal-Meditazzjoni Nisranija wkoll nhar it-22 ta’ Frar u 29 ta’ Marzu jingħataw online. Kull min jixtieq jieħu sehem jibgħat messaġġ fuq info@carmelitepriory.org sabiex tintbagħtlu l-ħolqa.
  4. il-laqgħa tat-Terzjarji nhar it-3 ta’ Marzu. Din ukoll tixxandar online fuq il-paġna facebook.

Minbarra dawn l-attivitajiet għandna mfasslin taħdit online marbutin mar-Randan u oħrajn dwar l-ispiritwalità tal-Qaddej ta’ Alla P. Avertan Fenech f’din is-sena li qed niċċelebraw il-125 Sena mill-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu. Fir-Randan nużaw il-meditazzjonijiet tiegħu sabiex nimxu l-mixja tar-Randan. 

Hemm ukoll il-possibilità li wieħed jagħmel ‘irtir’ matul dawn l-Erbgħin Jum tar-Randan, billi jsegwi l-programm Carmelite Retreat Online li jmexxina jum wara jum fuq il-passi tal-Kastell Ġewwieni ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù.

Nittamaw ukoll li ssir it-tnedija online ukoll tal-ktieb dwar il-Meditazzjoni Nisranija Meta r-Ruħ tintbill fid-Deheb. Informazzjoni dwar dawn l-attivitajiet tintbagħat iktar tard meta jasal il-waqt. Minħabba s-sitwazzjoni li ninsabu fiha, il-programmazzjoni ssir skont iċ-ċirkustanzi.

Nistednukom iżżommu lilkom infuskom aġġornati billi ssegwu l-paġna facebook.

Filwaqt li nsellmulkom, inżommukom f’talbna.

Il-Karmelitani fl-Imdina.

2 Comments to "Randan 2021"

  • michael attard
    17/02/2021 at 1:07 pm

    nixtieq nghix aktar ma Gesu permess ta dawn l-attivitajiet li ser taghmlu. Grazzi

  • Tarcisio Piscopo
    18/02/2021 at 10:58 pm

    Grazzi, l-impenn taghkom apprezzzat hafna.

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
Follow us on  Facebook