F’kull quddiesa wara l-offertorju qabel it-Talba fuq l-Offerti u t-Talba Ewkaristika, is-saċerdot imil quddiem l-altar ta’ Alla u b’leħen baxx jgħid din it-talba sabiħa: “Ilqagħna, Mulej Alla tagħna, umli u niedma quddiemek u agħmel li jkun jogħġbok dan is-sagrifiċċju li qegħdin noffrulek”. Din it-talba sabiħa hija meħuda mit-talba ta’ Għażarija fil-Ktieb tal-Profeta Danjel u li llum tixxandar fil-qari tal-quddiesa.
Din it-talba toħroġ mill-qalb ta’ Għażarija li ġie mitfugħ fil-forn tan-nar mis-Sultan Nabukadnessar fil-Babilonja wara li dan waqqaf idolu enormi tad-deheb u l-kbarat tiegħu kellhom imilu quddiemu jadurawh. Ħananija Sidrak, Misaèl Mesak, u Għażarija Għabednegu, ministri Lhud tas-Sultan jirrifjutaw li jmilu quddiem l-idolu u għalhekk jiġu mitfugħin fil-forn tan-nar. Is-Sultan fil-forn tan-nar iħaġġeġ jara r-raba’ figura li kien l-anġlu tal-Mulej iħares lil dawn il-qaddejja tiegħu mill-ħruq. Is-Sultan jeħles lil dawn il-qaddejja ta’ Alla, u jagħti qima lill-Alla ta’ Iżrael. Għażarija jinfexx f’din it-talba sabiħa li fiha hu jitlob lil Alla ma jinsiex il-poplu tiegħu, jiftakar fil-Patt li għamel miegħu, u ma jitlaqx lil dan il-poplu tiegħu f’dan iż-żmien iebes tal-eżilju f’idejn il-Pagani. Għażarija jitlob lil Alla jħenn għall-poplu tiegħu li hu ’l bogħod minn Ġerusalemm, bla tempju, bla liturġija li fihom jagħtuh qima u jadurawh. Il-qima tal-eżiljati hija qalb niedma, sogħbiena, maqsuma. It-talb isir l-għajta tat-tallâb, l-offerti jsiru d-dmugħ iġelben mal-ħaddejn, l-inċens isir il-qalb li ħfiefet mit-toqol tar-rabtiet ħżiena u issa tista’ togħla ’l fuq lejn Alla. L-eżilju l-poplu għexu bħala kastig ta’ Alla mibgħut minħabba d-dnub ta’ poplu li kibritlu rasu, nesa lil Alla u qiegħed lilu nnifsu flok Alla. L-umiljazzjoni fl-eżilju Babiloniż daħħlet lill-poplu ta’ Alla fih innifsu u nduna li mingħajr Alla ma hu xejn. L-eżilju f’Babel kien il-forma esterjuri tal-jasar li l-poplu kellu f’qalbu ukoll meta dan kien ħieles u rajh f’idejh f’artu.
Fl-Evanġelju, Ġesù wkoll jurina li aħna midjunin ma’ Alla għax qalbna ’l bogħod minnu; imma hu jaħfer, jagħder, iħenn u jagħtina ċans nerġgħu lura mill-egoiżmu tagħna. Fil-parabbola tal-qaddej midjun li jitlob li jinħafirlu dejnu imma mbagħad ma jaħfirx u ma jistenniex lill-proxxmu jerġa’ lura bil-pass tiegħu, Ġesù jgħallimna li l-għarfien tal-kundizzjoni tagħna ta’ midjunin ma’ Alla trid twassalna biex aħna wkoll ikollna kompassjoni ma’ ħutna u sens ta’ ġustizzja ma’ Alla u mal-bnedmin. Nitolbu lill-Mulej maħfra ta’ kemm imxejna b’żewġ kriterji fejn nidħlu aħna u fejn jidħlu l-oħrajn. Nitolbu lil Alla qalb umli u niedma li tagħmilna bnedmin ta’ kompassjoni għal ħutna.
One Comment to "Ftakar fit-tjieba u l-ħniena tiegħek, Mulej."
Jien nghid ghaliija j dik it talba ta wara l- offertorju hija wahda mill l-isbah talba u jien niehu gost nisma is sacerdot jghidha u hlief ammen ma nghidx.Is- sacerdot ikun qed jghidha ghallina ilkoll.
We use cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue to use this site we will assume that you are happy with it.OkPrivacy policy
One Comment to "Ftakar fit-tjieba u l-ħniena tiegħek, Mulej."
Jien nghid ghaliija j dik it talba ta wara l- offertorju hija wahda mill l-isbah talba u jien niehu gost nisma is sacerdot jghidha u hlief ammen ma nghidx.Is- sacerdot ikun qed jghidha ghallina ilkoll.
Go Ahead, Leave A Comment