Il-liturġija tal-Avvent illum tibda’ taqleb bil-mod il-mod il-folja. Waqt li s’issa rriflettejna u ffukajna fuq il-misteru tal-miġja ta’ Kristu fina ta’ kuljum u fil-misteru tat-tieni miġja tiegħu, illum tidħol il-figura ta’ Ġwanni l-Battista li Ġesu jsejjaħlu l-ikbar wieħed fost ulied in-nisa. Ġwanni l-Battista hu l-Prekursur. Dak li ġie qabel il-Mulej.
U aħna u resqin issa lejn it-tielet Ħadd tal-Avvent u qed toqrob il-festa tat-Twelid ta’ Sidna aħna mistednin nilbsu l-istess sentimenti ta’ dawk li ġew eżatt qabel il-miġja ta’ Kristu fid-Dinja bħala bniedem. It-tema rikorrenti hija l-ferħ għax il-Mulej wasal u l-kelma ta’ Alla tfakkarna u tfarraġna bil-wegħda li Alla jiġi biex iqajjimna fuq saqajna, aħna li aħna qisna dudu tal-art.
Ħafna drabi fil-Knisja jaħkimna spirtu ta’ qtiegħ ta’ qalb għax id-dinja nbidlet, niżirgħu u bħal donna ma naħsdux. Nitħabtu u naħsdu r-riħ! Nistaqsu ftit, aħna nemmnu li huwa Alla li jqajjem u jagħti l-ħajja. San Pawl iwissi: wieħed isaqqi u l-ieħor jiżra, imma Alla hu li jkabbar. Il-Papa Franġisku wkoll fl-eżortazzjoni apostolika Evanġelii gaudium jistedinna biex nagħtu importanza lill-ħin u mhux l-ispazju. F’kelma waħda li nagħtu ż-żmien. Aħna niżirgħu, nibdew proċessi, u nħallu lil Alla biż-żmien jimmaturahom. Dan huwa mportanti għax tant ninsabu f’dinja kumplessa li mhux dejjem għandna tweġiba għal kollox, mhux dejjem naħsdu l-frott mill-ewwel. Alla hekk jaħdem, jiżra kelmtu u jagħtiha ż-żmien biex tikber u tagħti l-frott.
Go Ahead, Leave A Comment