Figura oħra mportanti fl-Avvent hija l-Profeta Elija. Dan li hu meqjus mil-Lhud u l-Karmelitani bħala l-aqwa fost il-profeti kollha “min hu bħalek u daqsek?” tkantalu l-iskrittura, kważi eku ta kliem San Mikiel lil Luċifru: “Min hu bħal Alla?”
Elija, li ismu jfisser Eliyyahu – “Alla hu ħaj” kellu l-missjoni li jgħix fil-preżenza ta’ Alla u jixhed li huwa ħaj, preżenti għadu jaħdem fil-poplu tiegħu: “ħaj il-Mulej li quddiemu qiegħed” itenni l-profeta. Huwa l-profeta mħeġġeġ, il-profeta tan-nar. Huma mimli bl-ispirtu ta’ Alla hekk li Alla refgħu fuq karru tan-nar u ħadu minn din id-dinja li ma kienx jistħoqqilha li hu jirfes fuqha għax hu nstab den tas-sema. Elija jiġi biex iressaq il-poplu lejn Alla u jiġi ta’ spiss fil-profeti li Alla jibgħat… kemm nilqgħuh? Elija ġa ġie imma ma għarfuhx jgħid Ġesu… ġie fi Ġwanni, ġie fi Kristu, ġie fil-profeti li Alla jibgħat u li aħna nsikktuhom, inwarrbuhom, insallbuhom. Elija huwa dak li għandu jerġa jiġi fl-aħħar taż-żmien qabel il-miġja definittiva ta’ Kristu. Qatt iltqajt mal-Profeta Elija li ġie jżurek f’persuni li wasslulek kelma mħeġġa f’isem Alla? Il-Lhud iħallu vojt is-siġġu ta’ Elija fuq il-mejda u fil-festi mportanti… ħalli jekk jiġi jsib fejn joqgħod… qalbek u darek miftuħa biex tilqa’ lil Alla fil-profeti tiegħu?
Go Ahead, Leave A Comment