Il-frott tal-miġja ta’ Kristu fostna, f’qalbna, f’ħajjitna huwa frott ta’ ħajja skont l-ispirtu ta’ Kristu li jkollu mbagħad effett soċjali. Iżaija jkellima fuq l-ispirtu ta’ Alla li huwa wieħed ta’ Għerf, fehma, kunsill, qawwa, għarfien u biża’ ta’ Alla. Dawn aħna nsejħulhom id-doni tal-Ispirtu s-Santu li l-effett tagħhom f’ħajjitna huwa effett fil-ħajja prattik u soċjali tagħna. Minnhom toħroġ il-ġustizzja, jiġifieri l-aġir skont dak li huwa sewwa, minnhom joħroġ is-sliem magħna nfusna, ma’ Alla u mal-oħrajn.
Kemm neħtieġu dawn id-doni fid-dinja tagħna li hija tant miksura bis-suppervja u bl-ambizzjonijiet bla rażan. Biex wieħed ikabbar fih dawn id-doni jeħtieġlu jkun ċkejken, umli, jiġifieri li jaf li hu jeħtieġ dawn id-doni tal-Ispirtu biex jimxi sewwa fil-ħajja tiegħu fuq din l-art. Hija s-suppervja li tgħalqilna l-bieb ta’ qalbna għal Alla, l-umilta tiftħilna beraħ qalbna ħalli nilqgħu lil Alla li jrid jagħtina l-istess ħajja tiegħu, l-Ispirtu tiegħu. Ejjew ngħarfu u nifhmu li mingħajr Alla ma aħna xejn.
Go Ahead, Leave A Comment