Il-ħajja ta’ Alla fina hija mqabbla ma’ mejda b’ikel fin li Alla jħejjilna. Meta aħna nilqgħu l-istedina tiegħu u noqgħodu għall-ikel fuq din il-mejda li hu jħejjilna jitneħħa l-velu, l-għama li ma jħalliniex naraw sewwa l-ħajja tagħna f’Alla u lil Alla f’ħajjitna. Il-ħajja ta’ Alla fina hija waħda ta’ faraġ. Iġġibilna l-hena, s-sliem. Għalhekk Izaija jgħidilna li Alla jixxottalna kull demgħa minn għajnejna u jneħħi l-mewt għal dejjem.
Alla tagħna hu Alla li jsalvana billi jagħtina il-fejqan interjuri u jmantnina fid-deżert ta’ ħajjitna bil-Kelma tiegħu u bl-ewkaristija, il-ħobż tal-ħajja. Mingħajr il-kelma u l-ħobż ma jistax ikun li ngħixu l-ħajja ta’ Alla fina, għax dawn huma l-mezzi ordinarji li Alla tana biex nersqu lejh u nirċevuh f’ħajjitna.
Kemm qed napprezzaw dawn id-doni? Kemm nisimgħu bil-qalb kelmet Alla. Kemm aħna mħeġġa li nirċevuh fina?
Go Ahead, Leave A Comment