Jekk il-Profeta Iżaija jagħtina s-sens ta’ bniedem virili u sever, il-Profeta Ġeremija kien affettiv, anke xi ftit timidu. Hu li kien iwassal il-Kelma t’Alla li kienet titlob li l-poplu Lhudi joqgħod taħt il-ħakma tal-poplu Persjan kien jiġi kkunsidrat daqs l-għar traditur. Jgħidilna hu stess li kien jippreferi jżomm kliemu kontra Ġerusalemm għalih, imma l-verità hi li ma setax għaliex il-Kelma t’Alla kien iħossha taħraq daqs in-nar: “U jien għedt, ‘Ma nsemmiehx aktar, ma nitkellimx aktar f’ismu’. Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad magħluq f’għadmi. Għejejt inżommu magħluq ġo fija, ma niflaħx aktar għalih.” (20:7-9).
Ta’ din l-esperjenza taħraq tal-Profeta – i.e. li għalkemm jaf li se jiġi ddisprezzat u l-poplu mhux se jagħti kasu iżda xorta waħda jrid jitkellem u joħroġ fil-beraħ dak li Alla qallu fis-sigriet ta’ qalbu – aħna llum għandna għalfejn niżżu ħajr. L-ewwel qari tal-lum ipoġġi fuq fomm il-poplu kliem ta’ indifferenza totali. U ta’ dan, naraw iżjed kmieni fil-kapitlu 18, Alla ma jitlobx minnhom indiema perfetta; biżżejjed rieda ġenwina li l-qalb tibdel it-triqat ħżiena tagħha biex idewbu l-qalb ta’ Alla u jkollu ħniena minnhom. Għax tassew, hekk kif qalbna ddub wara xi ħadd li nħobbu, hekk ukoll Alla li qalbu ddub wara l-bniedem li joffri lil Alla mhux sagrifiċċji esterni imma dak is-sagrifiċċju veru li hi l-qalb sogħbiena, il-qalb li tixtieq tibqa’ fl-imħabba ta’ Alla għalkemm xi kultant taqa’.
Jekk il-Profeta kien imwarrab u ma tawx kasu, tant u tant iktar kien Bin il-Bniedem f’Ġerusalemm, kif naqraw fl-Evanġelju tal-lum. L-imħabba vera titlob minna li nagħtu lilna nfusna totalment hekk kif Ġesù u l-Profeta Ġeremija taw lilhom infushom totalment għall-imħabba t’Alla. U dan minkejja l-indifferenza u anke l-qtil. Jekk lilna Nsara llum ma joqtluniex fuq salib, jistgħu joqtluna bl-indifferenza.
Il-mistoqsija tiġi weħidha: Xi ħrara nħoss fija għall-imħabba t’Alla? Issuqni din biex noffrilu qalbi kollha mingħajr ma nistenna xejn lura, kemm mingħandu kif ukoll mingħand il-bnedmin ħuti? X’inhi l-kwalità tal-għotja tiegħi: infittex rikonoxximent għall-ġid li nagħmel, jew aktar infittex li nħobb lil Alla konkretament fil-proxxmu billi nkun “ilsir” bħal Sidna Ġesù?
Go Ahead, Leave A Comment