Dak Alla li kixef lilu nnifsu quddiemna fil-Ġrajja tas-Salvazzjoni uriena li hu qribna, tant qribna, li l-kxif tiegħu (li fit-teoloġija nsejħulu Rivelazzjoni) wasal fil-milja tiegħu f’Ġesù Kristu, Ibnu li sar bniedem bħalna.
Il-Kelma ta’ Alla llum turina mod ieħor li bih Alla huwa qribna. Fl-ewwel qari mid-Dewteronomju, Alla huwa qrib, permezz tal-Kelma tiegħu, jonkella l-Liġi tiegħu li turina x’inhi l-fehma ta’ Alla, kif Alla jara r-realtà u x’jixtieq minnha. Il-Liġi ta’ Alla ma għandniex nifhmuha bħala xi struttura li torbtok. Anzi, hi struttura li teħilsek. Il-Liġi ta’ Alla ngħidulha liġi pożittiva, li timbuttak biex tgħix tajjeb, kif għandu jkun u tindikalek triq li tagħmlek aħjar. Alla hu qribna għax mhux talli kixef lilu nnifsu quddiemna u hekk aħna nafu min hu, iżda wkoll kixef quddiemna x’jgħoġbu u x’ma jgħoġbux hekk li aħna nistgħu nirrelataw miegħu, nidħlu fil-ħajja tiegħu, kif hu daħal fil-ħajja tagħna.
Għalhekk Ġesù fl-evanġelju jinsisti li hu ma ġiex biex iwaqqa’ l-Liġi imma biex jipperfezzjonaha. Fit-Testment il-Ġdid, Ġesù huwa l-Liġi ta’ Alla għalina. Fis-sens li aħna nħarsu lejn ħajtu u ngħamlu minnha regula ta’ ħajja. Nirregolaw ħajjitna fuqha. B’dan il-mod nitqarrbu lejn Alla li hu qribna hekk li aħna u hu nsiru ħaġa waħda: hu fina u aħna fih. Hu tagħna u aħna tiegħu.
Go Ahead, Leave A Comment