Il-kelma Avvent tfisser miġja u żmien l-Avvent jiftaħ is-sena liturġika tal-Knisja li mbagħad tagħlaq bil-festa ta’ Kristu Sultan, hekk li f’tul ta’ sena aħna bħala dixxipli ta’ Ġesu nġeddu l-misteri tas-Salvazzjoni tagħna, sabiex dawn il-misteri nħalluhom jibdluna bil-mod il-mod sa ma jiġi l-Mulej fit-Tieni miġja tiegħu fl-aħħar taż- żmien.
L-Avvent mhuwiex sempliċiment tħejjija għall-festa tat- Twelid ta’ Sidna Ġesu Kristu, imma iktar minn hekk huwa żmien li fih aħna niftakru li ħajjitna hi kollha kemm hi stennija għall-Mulej li ġej: Inħabbru l-Mewt tiegħek Mulej, inxandru bil-ferħ il-Qawmien tiegħek, NISTENNEWK sa ma’ tiġi fil-glorja.
Ejjew f’dan l-Avvent nidħlu f’dan l-ispirtu ta’ stennija tassew, bis-sens, mhux stennija frivola ta’ festa li tiġi u tgħaddi. Nistennew bil-ħerqa u bil-ferħ tassew, kif jgħidilna Isaija fl-ewwel qari ta’ llum nistennew billi fl- istess waqt inħaffu biex immorru niltaqgħu mal-Mulej li ġej biex jeħodna miegħu… kif tgħid li tħobbu, jgħallimna Santu Wistin, meta tibża’ mill-jum li fih Sidek jiġi biex jieħdok miegħu għal dejjem!
Tistenna tfisser li tkun imħejji, tkun lest, bil-Malti ngħidu “kont qed nistenniha” għal xi ħaġa li sseħħ quddiemna hekk malajr bla avviż. Hekk għandha tkun l-istennija tagħna, biex ma teħodniex għall-għarrieda bħal fi żmien Noe.
We use cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue to use this site we will assume that you are happy with it.OkPrivacy policy
Go Ahead, Leave A Comment