Benedittu“Neħtieġu nies bħal Benedittu ta’ Norcia li fi żmien ta’ telqa u dekadenza, intelaq bis-sħiħ fil-ħajja ta’ waħdu, fejn irnexxielu jibni Montecassino, il-Belt fuq muntanja li flimkien mal-ħafna tiġrif, ġabar flimkien is-saħħa li biha nbniet dinja ġdida. Hekk Benedittu, bħal Abram, sar missier ta’ ħafna popli”.

Eċċellenza, Revdu Kapitlu, Madre Badessa u ħuti reliġjużi fl-Ordni ta’ San Benedittu. B’dan il-kliem meqjus tal-Kardinal Joseph Ratzinger ftit jiem qabel il-konklavi li kellu jerfgħu fuq il-Kattedra ta’ Pietru, nixtieq niftaħ magħkom din ir-riflessjoni tagħna ta’ llejla aħna u niċċelebraw lil dan il-qaddis kbir, Missier il-Monakeżmu tal-Punent. F’dawn il-kelmiet li l-Kardinal Ratzinger lissen f’Subiaco, b’qalb u iktar tard bħala Papa b’isem Benedittin, inħoss li laqat x’inhu s-sigriet tal-kif aħna bħala dixxipli ta’ Kristu nistgħu nibnu, bħal San Benedittu, dinja ġdida mill-ħafna tiġrif li jinsab madwarna. L-Għaref Koħelet jammetti u jistqarr li fil-ħajja hemm “żmien li tibni u żmien li tħott” (Qoħ 3;1-8). Dan hu prinċipju bażiku, paradossali tal-eżistenza tagħna li b’diversi modi ngħixuh ta’ kuljum. Huwa l-prinċipju li jiġbor fih il-mewt u l-ħajja, il-qadim u l-ġdid, dak li kien u dak li ġej. Mingħajr dan il-paradoss ma hemmx eżistenza. San Benedittu għexu dan il-prinċipju f’laħmu għax id-dinja li hu ġej minnha kienet dinja li proprju kienet qegħdha għaddejja minn tranżizzjoni ta’ ħatt u bini ġdid. Is-sistemi ta’ qabel kienu bdew jiġġarrfu u bħal donnu ħadd ma kien jaf x’kien ġej warajhom, x’kien qed jistennihom fil-ġejjieni! Żmien ta’ inċertezzi kbar, żmien li min jgħix fih ikollu jgħid “daqshekk id-dinja baqgħet kif nafuha aħna”. Trid jew ma tridx, taċċetta u ma taċċettax, taqbel u ma taqbilx, it-tiġrif xorta jseħħ. Imma lesti nibnu mill-ġdid? Dik hi l-kwestjoni li aħna rridu nixprunaw lilna nfusna dwarha! Benedittu mat-tiġrif li sab madwaru żied is-saħħa tal-kuraġġ li jmidd idu għax-xogħol u jibni l-Belt fuq Għolja: “Intom belt fuq muntanja” jgħidilna Ġesu’. Hemm fejn biblikament is-sema tmiss mal-art, hemm fejn Alla jiltaqa’ mal-bniedem, fuq l-Għolja, Benedittu ħolom ħolma, ħolom li jibni Belt… il-Belt ta’ Alla, kif isejħilha Santu Wistin.

Aħna wkoll ninsabu fi żmien jixbaħ lil dak ta’ Benedittu. Madwarna il-bidla mmissuha b’idejna, u narawha b’għajnejna. Quddiem wiċċna qed jiġġarraf dak li kien ilu wieqaf għal snin twal. X’se jkun il-futur tagħna bħala dixxipli ta’ Kristu jiddependi minn kif aħna nirrispondu għal dan iż-żmien li, jekk aħna bnedmin tal-fidi ma nistgħux insejħulu mod ieħor, jekk mhux żmien ta’ grazzja li Alla qed jagħtina biex nistabilixxu ruħna iktar fih. U hawn tidħol il-mistika u l-ispiritwalità tal-istabilità Benedittina: li f’dinja li l-ħin kollu tinbidel, aħna nistabilixxu ruħna fih, fis-Salib tiegħu, fil-Misteru tal-Għid, li jixprunana nħaddnu tassew dan il-moviment ta’ bini u ħatt, ta’ mewt u ħajja, forma li tmut biex tinbet oħra ġdida, waqt li żżomm dak li hu l-essenza, il-qalba tal-valuri u l-ħajja li fiha aħna nemmnu. Stat crux dum volvitur orbis. Dan hu t-tifsir tal-motto monastiku medjevali li ħareġ mit-tħaddin ta’ din ir-realtà li tikkaratterizza l-ħajja tagħna fuq l-art. Imsieken aħna jekk neħlu mal-forom u mhux mas-Salib ta’ Kristu, għax meta l-forom jgħaddi żmienhom, ngħaddu magħhom aħna wkoll. Jekk neħlu mas-Salib, immutu tassew, imma mmutu biex ngħaddu għal ħajja ġdida, biex inqumu mill-ġdid f’forma oħra waqt li nibqgħu dak li aħna.

Dan huwa l-ewwel eżempju li jagħtina San Benedittu, li hu meqjus bħala l-fundatur, il-Missier, mhux tal-Benedittini biss, imma tal-ħajja axxetika jew monastika fil-Punent. Hu il-Missier, mhux għax hu l-ewwel wieħed li ħaddan din il-ħajja fil-Punent, kien hemm oħrajn qablu. Ilkoll nafu l-ġrajja ta’ Subiaco. Benedittu ried jibda ħajja axxetika wara li ra li d-dinja u l-istrutturi tagħha inklużi dawk ekkleżjastiċi u akkademiċi fl-esperjenza tiegħu ġewwa Ruma, kienu mitluqa f’dekadenza. Din it-telqa xprunat fih b’ħeġġa qawwija telqa oħra t-telqa fis-solitudni, fil-barr, maqtugħ għalih waħdu. Aktarx li għall-ewwel ma riedx jidħol għall-ħajja axxetika, imma xtaq jinqata’ mill-Belt ta’ Ruma fejn ta’ madwar 19-20 sena kien daq il-ħajja tad-dinja, sabiex jirrifletti dwar ħajtu. Miegħu ħa lill-mara li kienet tieħu ħsiebu għax kien ta’ nisel nobbli. Imma hemmhekk f’Enfide biswit il-knisja ta’ San Pietru nġabru miegħu xi wħud li wkoll fehmu l-frugħa li kienet toffri d-dinja. Kien fil-wied li jagħti għal Subiaco minn Enfide li Benedittu ltaqa’ mal-Abbati Romanu ta’ Subiaco u wara li fetaħ qalbu miegħu, dan mexxih lejn il-ħajja axxetika ta’ solitudni fil-wied u għal tliet snin, għex moħbi mid-dinja, ġo għar qrib l-għadira. Waqt li d-dinja kienet qed taqa’ u tiġġarraf fil-baħħ, u Benedittu kien qed jiġġarraf magħha, huwa ntelaq fis-solitudni u l-baħħ li kien hemm f’qalbu, dan l-abbiss li aħna wkoll inħossuh fina, vojt kbir, li ma jimtela b’xejn jekk mhux bil-laqgħa mal-abbiss ta’ Alla. Kien minn hemmhekk li Benedittu ġie mitlub imexxi monasteru ta’ rħieb. It-tradizzjoni tgħidilna li hu nqala’ mis-solitudni b’risq din il-komunita’ li ma kienet xejn edifikanti. Imma s-sistemi tiegħu sabuhom wisq ebsin u fittxew li jeħilsu minnu. U hawn qiegħed il-kobor ta’ Benedittu. Sa żmienu, il-ħajja monastika u axxetika kienet mibnija fuq dik li twieldet fid-deżert fl-Eġittu u s-Sirja, benniena tal-Kristjaneżmu. Naturalment it-temperament, il-klima u l-eżiġenzi fl-Ewropa kienu differenti u għaldaqstant meta kien evidenti li wieħed ma setax jgħix l-ideali ebsin tal-axxeżi tal-Lvant Nofsani, ir-reliġjużi kienu jaqgħu f’ħajja laxka, għax faċli tarmi kollox meta tara li m’intix tilħaq ideal. Faċli tarmi kollox u tintelaq inti wkoll maħkum mill-qtiegħ ta’ qalb.

L-istrutturi tal-ħajja axxetika li kienu jirriflettu r-riġidità tipika tad-deżert u l-klima ħarxa ma kenux tajbin għall-Punent. Il-kobor ta’ San Benedittu kien, li bl-għeruq tiegħu imniżżla fit-tagħlim u l-prattika axxetika tal-Missirijiet tad-Deżert kif miġjuba lilna minn Kassjanu, magħqudin mal-esperjenza tiegħu f’Ruma, f’Enfide u fil-falliment ta’ Subiaco, ħoloq fuq Monte Cassino struttura ta’ ħajja monastika u axxetika adatta għat-temperament Ewropew. Għalhekk hu missier il-monakeżmu u l-ħajja reliġjuża tal-Punent. Ir-Regula li hu kiteb issib egħruqha fl-esperjenzi tal-imgħoddi, imma hija ġdida, adatta għal żmienu u tixhed karatteristika partikulari ta’ bilanċ, moderazzjoni u dik li fit-teoloġija nsejħulha epikeia (biex naqilbuha b’terminu popolari, ngħidu li fiha doża tajba ta’ sens komun li jqiegħed lill-bniedem qabel l-ittra tal-liġi). Tant esprimiet il-ħtieġa ta’ dak iż-żmien li f’ħakka ta’ għajn ir-Regula xterdet mad-dinja axxetika tal-Punent u l-monasteri –mhux dawk imwaqqfa minn Benedittu- bdew jadottaw lilha bħala Regula li fuqha jmexxu ħajjithom.

Benedittu jibni r-Regula fuq l-għerf spiritwali nisrani: Li nqegħdu lil Kristu fil-qalba ta’ kollox f’ħajjitna li gradwalment tibda ddur miegħu u miegħu biss. Il-monasteru f’dan is-sens irid ikun skola li fiha nitgħallmu ndawwru ħajjitna mal-Evanġelju ta’ Kristu. Ma’ dan l-għerf Benedittu jżid l-għerf prattiku ta’ kif għandu jitmexxa l-monasteru. Il-kolonni huma l-ubbidjenza, l-umiltà, u d-dedikazzjoni għall-Opus Dei, ix-xogħol ta’ Alla, jiġifieri l-liturġija mqaddsa. Dawn għandhom imexxu l-monasteru lejn dik l-istabilità fi Kristu permezz tas-smiegħ umli tal-Kelma biex wieħed jagħti widen (ob audire = jobdi) lil Alla u gradwalment jikber u jimmatura fi Kristu, għax fil-fehma ta’ Benedittu wieħed ma’ jidħolx fil-monasteru għax hu diġà perfett, iżda għax hu fraġli, ma jlaħħaqx mal-ideal evanġeliku u allura jeħtieġlu jitgħallem gradwalment kif jimxi wara Kristu.

Mhux ta’ xejn li l-Papa Benedittu XVI jgħidilna li neħtieġu nies bħal San Benedittu. Hu għaraf li żmienu kien ikkaratterizzat minn dekadenza, telqa. Donnu l-bniedem tilef is-saħħa li jqum fuq saqajh u jgħix l-ideali għolja tal-ħajja ċivili u evanġelika. F’Subiaco huwa nduna li l-bnedmin ta’ żmienu ma setgħux jilħqu l-ideal tal-ħajja axxetika għolja tal-Missirijiet tad-Deżert. Kien hemm bħal donnha inkapaċità, u allura li tkompli tistenna u tinsisti li dawn l-ideali jintlaħqu kien qed iġib frustrazzjoni u qtiegħ ta’ qalb, hekk li kien hemm il-periklu li dak li jkun, meta jara li ma jistax jilħaq l-ideal għoli, jarmi kollox wara spallejh u hekk jitlef kollox, ikompli jintilef mad-dinja li kienet qed nieżla biċċa biċċa. Benedittu huwa tassew dak ir-rgħaj it-tajjeb li “qasba mġelġla ma jiksirhiex u musbieħ inemnem ma jitfihx”. Għalhekk f’idejh inqegħdulu l-baklu, li jġibuh ukoll kull Abbati u Badessa Benedittina. Għax għal Benedittu s-superjuru huwa dak ir-Rgħaj it-tajjeb li jiġbed bil-ħlewwa n-ngħaġ li joħorġu mit-triq. Hekk riedhom lis-suċċessuri tiegħu Benedittu, li japplikaw dan il-prinċipju fit-treġija ta’ dawk li Alla jafdahom f’idejhom f’din l-iskola tal-evanġelju.

Eċċellenza, ħuti reliġjużi, ħuti nsara ippermettuli minn hawnhekk nistedinkom biex napplikaw dan l-għerf ta’ San Benedittu. Għax aħna wkoll ninsabu f’dinja li tinsab f’dekadenza kbira, mitluqa, nieżla biċċa biċċa. Qed tiżra l-qerda tagħha nnifisha. Xi drabi nħossu li din id-dinja qed tniżżilna magħha, tiblgħana. Flimkien ma’ kisbiet li jagħmlulek il-qalb, hemm oħrajn li mhux jaqtgħulek qalbek! U nifsek ukoll! Kull fejn tara u tmiss, nuqqas ta’ ċarezza. Kollox jidher flessibbli, passiġġier, mhux mibni fis-sod, lanqas ma jaħdem skont il-loġika tar-raġuni umana, aħseb u ara dik Divina. Il-bniedem tassew nesa, nesa li hu bniedem. Id-dinja tinsab fi kriżi serja. U bħal dejjem f’dawn il-kriżijiet, il-ħajja reliġjuża u monastika għandha d-dmir li żżomm lid-dinja milli tiġġarraf u lill-Knisja milli tilbes il-mentalità tagħha. Jekk id-dinja ta’ madwarna mitluqa, it-tweġiba tagħna trid tkun dik ta’ telqa wkoll… telqa f’Alla. Fil-mediċina jeżisti l-prinċipju li biex tfejjaq mard gravi trid xi minn daqqiet tapplika l-istess elementi li lilhom trid tfejjaq. Per eżempju biex ma teħdokx il-malarja, l-isptar jinjettawk b’doża minn dan il-mikrobu: Like cures or prevents like, ngħidu bl-Ingliż. Quddiem it-telqa u l-mewt ta’ madwarna ejjew nintelqu f’idejn Alla u nindifnu fih bħala Knisja, intom ukoll bħala monasteru li bħalissa Alla qed jippruvakom bin-nuqqas ta’ vokazzjonijiet. Nagħmel hawnhekk appell għal dixxerniment dwar x’inhu dak li Alla jrid minna. Dan l-appell nagħmlu lil kulħadd quddiemek Eċċellenza, li skont ma jgħallimna l-Konċilju Vatikan II, inti, inti l-kustodju, il-ħarries tal-ħajja reliġjuża u monastika fid-Djoċesi u bħala tali tħares ir-reliġjużi biex jgħixu l-ideal tal-ħajja li pprofessaw, u iktar u iktar fejn hawn monasteri li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni diretta tiegħek. Eċċellenza, inti reliġjuż. Taf is-sbuħija tad-don tal-ħajja reliġjuża u l-għana tagħha għall-Knisja, ejja nitolbu u nxammru jdejna b’kuraġġ, biex insibu modi kreattivi bl-għajnuna ta’ kulħadd ħalli l-ħajja reliġjuża tkun imħarsa fid-Djoċesi tiegħek skont il-kariżma partikulari. Ejjew inkunu bnedmin ta’ fidi quddiem dak li jidher umanament impossibbli. Fidi li taħdem u li tmidd idejha biex flimkien mal-ħafna tiġrif, bħal Benedittu niġbru flimkien is-saħħa li biha nibdew nibnu mill-ġdid, niżirgħu iż-żerriegħa ta’ dinja u strutturi ġodda.

Dan ma jgħoddx biss għall-ħajja monastika u reliġjuża. Jgħodd għall-ħajja tal-insara b’mod ġenerali fejn il-bniedem ta’ llum jinħass li hu fraġli ħafna u allura bħala bnedmin tal-fidi, irridu nkunu umli biżżejjed li nippruvaw insalvaw li nistgħu b’ħafna paċenzja, sabar, b’ħafna għeluq ta’ għajnejn u sens komun li jagħmillek il-qalb u jimlik bit-tama għal futur aħjar.

Il-ħajja ta’ Benedittu hija mimlija bi stejjer ta’ għeġubijiet li kollha jwasslu s-sens tat-taqbida bejn il-mewt u l-ħajja. F’dawn il-ġrajja il-messaġġ huwa wieħed: li Benedittu b’ħajtu għeleb il-mewt u t-tiġrif u ġab il-ħajja. Ejjew bħalu bil-fidi, quddiem it-tiġrif inkomplu din il-ġrajja u nkunu dawk li msaħħin bil-Kelma ta’ Alla nagħmlu il-ħidma tiegħu li ġġedded u tagħti l-ħajja mill-ġdid hemm fejn hemm it-tehdid tal-mewt. Benedittu b’din il-viżjoni bena l-Ewropa (għalhekk hu Patrun tagħha). Nitolbu lil Alla jibgħatilna nies bħalu li jibnu l-Ewropa mill-ġdid għal futur aħjar.

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook