“Fraħt meta qaluli se mmorru f’dar il-Mulej” Is-Salm responsorjali ta’ llum jitfgħana fuq nota ta’ ferħ u din in-nota hija l-muftieħ, biex ngħidu hekk, li bih nifhmu l-Kelma ta’ Alla għal-liturġija tal-ġurnata.
L-Avvent huwa żmien paradossali għax hu ż-żmien ta’ mixja fl-istennija tal-Mulej li ġej. l-Avvent huwa ż-żmien ta’ żewġ mixjiet: il-mixja ta’ Alla lejna u l-mixja tagħna lejh. Huwa ż-żmien ta’ żewġ stennijiet: aħna li nistennew lil Alla jersaq lejna u Alla li jistenna lilna nimxu lejh.
L-istennija qatt ma hija statika, imma dinamika, mimlija ħeġġa u ħajja għax il-fatt innifsu li bis-sabar kollu nistenna, juri li jiena lest biex nilqa’ lil min qed nistennih jiġi. Fl-ewwel qari Iżaija jħabbar is-Saltna Messjanika: Ġerusalemm -il-belt ta’ Alla- li lejha jiġru l-ġnus kollha mingħajr distinzjoni, fl-Evanġelju wkoll Ġesu’ jieħu l-każ taċ-ċenturjun pagan li juri fidi sħiħa, għamja f’Ġesu’, fidi li lanqas ma nstabet f’min jemmen, u jħabbar li għad jiġu mil-Lvant u l-Punent, mit-Tramuntana u n-Nofsinhar biex joqgħodu madwar il-mejda flimkien ma’ Abraham u n-nies ġusti li stennew bil-ħerqa l-miġja tas-Saltna ta’ Alla.
Nistaqsi: Għandi xewqa għal Alla? Il-fidi tiegħi naraha bħala mixja lejn il-maturita’ sħiħa f’Alla? X’qed nagħmel biex nibni l-miġja tas-Saltna ta’ Alla fi qlub il-bnedmin, fija u fl-oħrajn?
Go Ahead, Leave A Comment