Nov 22nd

GĦAD-DELL TAL-ĦNIENA U L-MIŻERJA

ByCarmelite Priory Mdina | In News

Misericordia et Misera, Ħniena u Miżerja huwa t-titlu tal-ittra appostolika tal-Papa Franġisku f’għeluq il-Ġublew tal-Ħniena. Titlu ispirat mill-kummentarju ta’ Santu Wistin fuq il-ġrajja tal-midinba pubblika mħollija waħedha quddiem Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Ġwann. Santu wistin jikkummenta li “baqgħu waħedhom, il-Ħniena (Ġesù) u l-Miżerja (il-mara midinba)”. Wara sena ta’ Ġublew li għalaq il-Ħadd lil għadda, imma li jimpenjana biex inkomplu nirriflettu dwar din l-esperjenza kontinwa ta’ ħniena u miżerja li jiltaqgħu flimkien u jitfanndtu waħda mal-oħra, wasalna biex niftħu sena oħra liturġika bl-Avvent.

mercyBħas-soltu fil-Karmnu tal-Mdina jkollna diversi mumenti li fihom nistgħu inkomplu mexjin fi triqtna wara Kristu Ġesù. Minbarra l-attivitajiet organizzati mill-komunità matul din is-sena tal-Ġublew kellna wkoll diversi pellegrinaġġi u jiem ta’ rtiri u ġabra kemm tar-reliġjużi, saċerdoti, imma wkoll lajċi. Dawn kienu mumenti ta’ grazzja għalina u nittamaw ukoll għal kull minn waqaf hawnhekk fil-Kunvent fil-mixja tiegħu bħala pellegrin lejn il-Bieb tal-Ħniena fil-Katidral. Dawn il-pellegrinaġġi u waqfiet kellhom ukoll laqta Karmelitana minħabba li dis-sena l-Karmelu qed jiċċelebra l-450 sena mit-twelid ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi u li aħna pproponejniha flimkien mat-talb u t-tagħlim lil dawk li waqfu fil-Knisja u l-Kunvent għaċ-ċelebrazzjonijiet Ġubilari. Matul din is-sena Ġubilari wkoll komplejna bħal dejjem l-opri tal-ħniena u l-karità li qatt ma tonqos li toħroġ mill-kunvent.

Nhar is-Sibt 26 ta’ Novembru, niftħu żmien l-Avvent bit-talba tal-Għasar u t-tberik tal-girlanda tal-Avvent u Lectio Divina fl-oratorju tal-Kunvent. Kif issa saret drawwa marbuta maż-żminijiet qawwija tal-Liturġija fl-Avvent noffru r-riflessjoni kuljum fuq l-Evanġelju tal-ġurnata. Min ikun irid isegwi r-riflessjoni jista’ jagħmel dan billi jidħol fuq is-sit tal-Kunvent jew inkella jżur il-paġna facebook.

avertan

Fil-31 ta’ Ottubru li għadda ċċelebrajna l-anniversarju tal-mewt ta’ P. Avertan kemm fl-Imdina kif ukoll il-Mosta. Bosta għadhom jitolbuna s-santi, jibgħatu jinfurmaw dwar grazzji maqlugħa u oħrajn ukoll iżuru l-qabar tiegħu fil-Knisja kif ukoll iċ-ċella tiegħu fil-Kunvent. Fi 73 sena mill-mewt il-fama ta’ qdusija ta’ dan il-patri ta ħajja sempliċi u kontemplattiva baqgħet tippersisti u ħarġet ukoll ‘il barra minn xtutna, hekk li jkollna wkoll bosta talbiet minn barranin għas-santi tiegħu li qed jitqassmu mhux biss bil-Malti imma wkoll bl-Ingliż, Taljan, Spanjol, Olandiż, Franċiż, u ilsna oħra. Dan wassal biex il-Kunsill Ġenerali f’Ruma f’Mejju li għadda approva li jibda’ l-proċess biex tinfetaħ il-Kawża tal-Beatifikazzjoni u Kanoniżżazjoni. Nhar l-Erbgħa 23 ta’ Novembru se jkollna grupp ta’ pellegrini li se jinġabru għat-talb fil-Knisja tagħna u wara jżuru ċ-ċella ta’ P. Avertan u wkoll jieqfu fit-talb fuq il-qabar tiegħu. Min irid jista’ jingħaqad magħhom għal dan il-mument ta’ talb fis-2.30pm. Waqt li nħeġġu lil kulħadd biex nitolbu ħalli ma ddumx ma tiftaħ uffiċjalment il-Kawża infakkru li wieħed jista’ jżur il-qabar tiegħu privatament jew fi grupp. Il-Knisja tkun miftuħa dejjem sal-5pm. Biex issir żjara fiċ-ċella ta’ P. Avertan, miżmuma b’għożża fil-kunvent, wieħed jeħtieġlu jagħmel appuntament. Kemm ħdejn il-qabr kif ukoll fiċ-ċella hemm il-kotba li fuqhom jitniżżlu l-petizzjonijiet ta’ talb. Il-Komunità Karmelitana żżomm dawn l-intenzjonijiet fit-talb tagħha privat u komunitarju.

fatimaNhar is-7 u t-8 ta’ Diċembru niċċelebraw l-Immakulata Kunċizzjoni. L-Erbgħa filgħaxija flimkien mat-Terzjarji Karmelitani li jiltaqgħu fl-ewwel Erbgħa tax-xahar bil-programm tas-soltu li jibda’ fil-5pm bir-rużarju, quddiesa, adorazzjoni, għasar u laqgħa ta’ formazzjoni fil-Kunvent. Fit-8 ta’ Diċembru jiltaqgħu għal nofs ta’ nhar irtir il-grupp ta’ voluntiera li jaħdmu l-Labtijiet tal-Madonna tal-Karmnu li jitqassmu matul is-sena. Nhar l-Erbgħa 7 ta’ Diċembru nbierku fil-Knisja x-xbieha oriġinali tal-Madonna ta’ Fatima li nġiebet mis-Santwarju tagħha fil-Portugall. Din ix-xbieha maħduma fli-injam tad-daqs tal-oriġinal li hemm ġewwa Fatima se tkun magħna matul is-sena 2017 li fiha niċċelebraw il-100 sena mid-dehriet tal-Madonna ġewwa Fatima. Kif se naraw fis-sena li ġejja hemm rabta kbira tal-ġrajja ta’ Fatima mal-Karmelu. Imma fuq dan iktar ‘il quddiem fl-ittra li jmiss…

Waqt li nixtiequ lilek li qed taqra din l-ittra żmien l-Avvent mimli barka u ħniena tal-Mulej, nistednuk tissieħeb magħna fl-attivitajiet li jsiru fil-Karmnu tal-Mdina u mfissra fil-programm għal din is-sena li jinkludi s-seminars tal-Carmelite Institute Malta, Lectio Divina, Titus Brandsma Circle u l-bqija. Sakemm nerġgħu niltaqgħu nistednuk tkompli ssegwina fuq facebook kif ukoll fuq is-sit elettroniku li jkunu aġġornati spiss grazzi għad-dedikazzjoni u l-għajnuna tal-webmasters tagħna.

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Meta l-Maltin Għażlu d-Demokrazija fi Żmien l-Imblokk

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook