Ir-Randan huwa żmien li fih ngħarblu lilna nfusna u naraw x’insarrfu bħala bnedmin ta’ fidi u dixxipli ta’ Ġesù u xi kwalità ta’ ħajja nisranija qegħdin ngħixu. L-ewwel qari tal-quddiesa ta’ llum huwa meħud mill-ktieb tal-profeta Eżekjel li ismu jfsser: “Alla jsaħħaħ”. Eżekjel irċieva l-missjoni profetika fiż-żmien ta’ qabel l-eżilju, żmien li fih il-poplu fil-prattika kien qed jgħix ħajja ta’ apostasija, jew inkella ċ-ċaħda tal-fidi, b’mod prattiku. Kieku llum ngħiduli “ateiżmu prattiku”. F’kelma waħda, il-ħajja, il-valuri, l-istrutturi soċjali u reliġjużi, ma kenux jirriflettu dak li l-poplu kien jgħid li jemmen fih. Huwa għalhekk li lejn l-aħħar tal-ktieb Eżekjel jara l-Preżenza ta’ Alla, toħroġ mit-Tempju, titlaq min-nofs il-poplu. Il-ktieb jagħlaq bit-tħabbira tat-tisfja tal-fdal ta’ Iżrael. Dakinhar il-liġi ta’ Alla tkun miktuba fuq il-qalb ta’ dawk li jemmnu għax il-liġi ta’ Alla qegħda fina. Il-periklu tal-poplu ta’ Alla huwa li bil-mod il-mod iħalli titnawwar il-ħajja tal-fidi, l-għixien fil-prattika bi mġieba li tixraq il-fidi li b’fommna ngħidu li nistqarru. Fuq livell personali u anke komunitarju u soċjali, l-indifferenza, in-nuqqas ta’ ħeġġa, it-tħabbib żejjed mad-dinja, il-banalità u l-vujtaġni li tbaxxina, li ġġib ruħek bħal (jew xi drabi agħar minn) min ma jħaddanx il-fidi, dan kollu inawwar fina l-kwalità ta’ ħajja nisranija.

Insiru fi kliem Ġesù bħal melħ li jaqta’, bla togħma, jew bħall-brodu mifqugħ bl-ilma. In-nisrani, il-bniedem ta’ fidi, huwa msejjaħ biex jogħla ’l fuq. Ikun ta’ kwalità. Ġesù fl-Evanġelju ta’ llum iwissina li jekk il-ħajja tagħna ma tkunx “ħafna aħjar” jew preċiżament “ta’ kwalità ogħla” minn dik tal-Kittieba u l-Fariżej ma nidħlux fis-Saltna. Issa l-Fariżej kienu nies mill-aktar osservanti fl-għixien tal-fidi. Imma x’jiswielna li nkunu osservanti minn barra, jekk qalbna hija ’l bogħod mill-qalb ta’ Alla, jekk ma nħallux l-espressjoni reliġjuża esterna tibdlilna l-qalbna mill-qiegħ? Nitolbu lill-Mulej jagħtina l-konverżjoni, il-bidla tal-qalb ħalli ngħixu b’konvinzjoni ġewwinija dak li nuru minn barra fil-prattika reliġjuża tagħna.

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook