L-ittra lill-Efesin tgħidilna li “Alla, fi Kristu Ġesù qajjimna u qegħdna miegħu (συγκαθίζω) fis-sema” (Ef 2:6). Il-verb użat fl-Ittra lill-Efesin jista’ jiġi maqlub litteralment bil-Malti bħala “poġġiena bilqegħda flimkien”. Fl-Iskrittura, li toqgħod bilqegħda, tindika stabbilità, u tagħti sens ta’ permanenza. Postna mela huwa ma’ Kristu, anzi diġà aħna ninsabu fih u miegħu għal dejjem. Din hija l-Bxara t-Tajba li mhux dejjem aħna konxji minnha.
Fl-Iskrittura, kemm fir-Rabta l-Qadima kif ukoll fil-Ġdida, minkejja li nsibu ħafna riferenzi għal li “toqgħod bilqegħda”, ftit li xejn nagħtu każ din l-azzjoni importanti u fundamentali għall-ħajja tal-fidi. Dan l-irtir Karmelitan, huwa opportunità biex filwaqt li nqattgħu xi jiem ma’ Ġesù, nirriflettu dwar xi tfisser f’ħajjitna li “toqgħod bilqegħda” flimkien miegħu. Fl-irtir ukoll inħarsu lejn il-prattika tat-talb minn din il-perspettiva.
L-irtir se jkun fis-SILENZJU u jkun hemm ħafna ħin għar-riflessjoni u t-talb personali. Għaldaqstant IMPORTANTI li min japplika għall-irtir iqis sewwa jiflaħx jgħaddi jiem sħaħ fis-silenzju, biex ma jiddiżappuntax ruħu u ma jtellifx lill-oħrajn.
Niżżel jew ara l-Programm. Il-materjal tal-irtir jitqassam lil min jieħu sehem. Biex tapplika iktbilna fuq info@carmelitepriory.org jew ċempel 79253316.
Go Ahead, Leave A Comment