Eliżabetta Catez twieldet fil-kamp militari ta’ Avord, Franza fit-18 ta’ Lulju 1880. Kellha karattru sensibli ħafna, trid tgħaddi tagħha u tfur malajr. Meta kellha 7 snin għamlet l-ewwel qrara u għamlet f’moħħha li tiġġieled bis-sħiħ il-karattru tagħha. Hija ssejjaħ dan il-jum ‘il-ġurnata tal-konverżjoni tiegħi’. Din il-ġlieda damet sakemm kellha 19 il-sena. Meta għamlet l-ewwel tqarbina marret ma ommha fil-Karmelu ta’ Dijon fejn is-superjura qaltilha ’Binti hemm misteru kbir moħbi wara ismek… inti jismek Dar ta’ Alla. Hemm qegħdin jgħammru t-Tlieta li inti tħobb.’ Minn dak il-jum Sabeth ħasset li Ġesu’ qed isejħilha għall-ħajja dedikata lilu fil-karmelu. Wara ħafna oppożizzjoni minn ommha hija daħlet fil-Karmelu ta’ 21 sena. Is-sejħa tagħha fil-knisja kienet taraha bħala ‘avvent ieħor’ li jħejji l-Inkarnazzjoni tal-Verb fil-bnedmin. Eliżabetta kienet tgħix dejjem maqgħuda mat-Trinita’ li tgħammar fiha u għallmet lil bosta jsibu l-Ġenna tagħhom fuq l-art. Mietet nhar id-9 ta’ Novembru 1906 u ġiet iddikjarata Beata mill-Papa Ġwanni Pawlu II fil-25 ta’ Novembru 1984, u qaddisa nhar is-16 ta’ Ottubru 2016 mill-Papa Franġisku.
Il-Carmelite Institute Malta se jimmarka l-kanoniżżazjoni ta’ din il-qaddisa Karmelitana b’seminar mill-4 sas-6 ta’ Novembru 2016 fil-Karmnu tal-Mdina.
Is-seminar jitmexxa minn P. Juan Debono O.C.D. u minn P. Alexander Vella, O.Carm.
Biex tieħu sehem f’dan is-seminar, li huwa offrut b’xejn, jeħtieġ li tapplika fuq l-indirizzi email imniżżla iktar l-isfel.
Min irid jista’ jħalli donazzjoni sabiex jgħinna nkopru l-ispejjeż.
Go Ahead, Leave A Comment