Ġona 3, 1-10
Ġoel 2, 12-13
Lq 11, 29-32
Dejjem laqtitni l-ġrajja ta’ Ġona! Parabbola ħelwa mimlija tifsir fuq kif jaħdem Alla magħna. Ġona jintbagħat minn Alla mhux biex jikkonverti lil Ninwè imma biex ibassar il-qerda. Qisu l-verdett kien ġa maqtugħ: “erbgħin jum ieħor u Ninwè ssir ħerba”. Ninwè tibża minn dan il-verdett u tibdel ħajjitha tittama li Alla jerġà’ jibdielu, jew kif tħobb tgħidilna l-Iskrittura “jisgħobbih”, jew aħjar “iħoss” għall-poplu li ngħiduha kif inhi, ma jafx mod ieħor! Interessanti li l-ġrajja ta’ Ġona tintemm bih taħt xitla qalbu mnikkta u deluż għax il-poplu nidem u l-verdett tal-qerda ma wasalx fuq Ninwè! Ġona ma għoġbitux li Alla bidel fehimtu! Meta Alla bagħtu bil-kundanna, Ġona ma’ riedx imur, ħarab, għax kien jaf li Alla hu ħanin u jdum biex jinkorla, mhux bħalu! Kien jaf kif se tispiċċa l-biċċa! U issa li mar, ġara kif kien qed jissoponi hu u allura jħossu ħareġ ta’ ħmar! Ma tagħtihx tort sa barra! Xi ftit jew wisq tinsab fina lkoll din ir-reazzjoni li hija bħal dak id-dudu li Alla bagħat biex inawwar is-siġra li taħt dellha kien qed jistrieħ Ġona! Reazzjoni li tnawwar ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, meta Alla bi mġiebtu jikxef fil-fatt il-motivazzjonijiet moħbija li għandna f’qalbna u aħna ma neħdux gost! Hija r-reazzjoni ta’ min jgħix tajjeb, ta’ min jipprova jkun fir-rieda ta’ Alla u jogħġob lil Alla u jagħmel ħiltu kollha biex jikkopera mal-grazzja ta’ Alla… imma f’qalbu jaf li quddiem Alla u mhuwiex aħjar mill-midneb inkallit li ma jridx jaf bih! Għax, kif jgħallimna Ġesù, Alla jibgħat ix-xita u x-xemx fuq it-tajbin u l-ħżiena. Din l-imġieba ta’ Alla mal-midinbin, tirrelativizza l-ġustizzja tagħna. U allura jista’ jagħti l-każ li minn fostna li meqjusin “it-tajbin”, ikun hemm min ikollu din ir-reazzjoni ta’ Ġona meta jara li Alla jqiegħed il-persuna midinba quddiem il-verdett! Ma mmorrux ’il bogħod! Rajna biżżejjed dan l-aħħar reazzjonijiet minn diversi Ġona madwar id-dinja għall-Amoris laetitia u n-normi tal-Isqfijiet tagħna għal min jinsab f’sitwazzjonijiet li tradizzjonalment jissejħu irregolari! Skandlu… iva l-iskandlu li ħa Ġona, l-iskandlu li jkollu bżonn min iqis lilu nnifsu ġust, ħa jinżel naqra mill-pedestall li jkun tela’ fuqu. Xi drabi ninsew li Ġesù huwa skandlu u enigma u l-iktar għal dawk li “jafdaw fihom infushom li huma ġusti” (Lq 18:9). Lil dawn Ġesù jħobb jixxukkjahom ftit u jiskandalizzahom.
Xi ftit Ġona jfakkarni fi Ġwanni l-Battista. Dak ukoll ħabbar il-vendetta ta’ Alla fil-miġja tal-Messija, bil-minġel ma’ għerq is-siġra. Imbagħad wasal Ġesù, hu għarfu, imma tbellah meta Ġesù ġab ruħu b’mod differenti minn dak li ħabbar Ġwanni! Għalhekk Ġesù hu s-sinjal ta’ Alla għalina, għax fih Alla wriena li hu lest li jitlef kollox għalina. Tana l-għeżeż ħaġa li għandu: lil Ibnu. San Pawl jgħidilna li quddiem is-salvazzjoni tagħna “Alla lanqas lil Ibnu stess ma ħelisha, imma tah għalina lkoll. kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu?” Għalhekk Ġesù sar is-Sinjal ta’ dak li Alla tassew HU għalina midinbin fraġli. San Ġwann tas-Salib jgħallimna li Alla Kelma waħda għandu għalina: ĠESÙ KRISTU li hu s-Sinjal il-kbir tar-rikonċiljazzoni bejna u bejn Alla.
Go Ahead, Leave A Comment