Innijiet noffrilek, sebħ tal-verġni, o safja Paraskevi, martri ta’ Kristu għax inti tqabadt qalbiena u tiddi u ddawwal bir-raġġi tal-għeġubijiet lil dawk li jgħannulek, għalhekk aħna noffrulek innijiet imħeġġa:

Ifraħ, bint il-qaddejja devoti ta’ Alla
Ifraħ, tron għażiż ta’ Alla l-Għoli
Ifraħ, tromba tal-imħabba, leħnek ħlejju
Ifraħ, qaddejja safja tas-Sultana tal-Verġni
Ifraħ, int li mill-għoli tħares il-Knisja mid-daqqiet tal-għedewwa
Ifraħ, inti li tixxotta d-dmugħ u l-biki tagħna l-bnedmin
Ifraħ, inti li tħares l-għajnejn
Ifraħ, inti li thennejt fil-ħajja monastika
Ifraħ, inti li xejjint il-kburija tal-għadu
Ifraħ, inti li rbaħt bil-qawwa ta’ Kristu
Ifraħ, inti t-tiżjin qaddis ta’ Ruma
Ifraħ, inti t-tabiba ħabrieka li tfejjaq il-ġrieħi tagħna
Ifraħ, Paraskevi, o verġni l-aktar sabiħa

(mill-Akatist lil Haghia Paraskevi l-Kbira Martri ta’ Ruma)

Agia paraskevi

Għeżiż ħija P. Robert li qed tippresjedi din il-liturġija tal-festa f’għeluq il-50 sena mill-Ordinazzjoni tiegħek, għeżież ħuti reliġjużi fil-Karmelu, saċerdoti, ħuti nsara u devoti tal-qaddisa Paraskevi, jew kif tafuha popolarment Venera. B’dan l-innu ta’ ferħ mislut mid-Divina Liturġija tal-Knisja tal-Lvant għall-festa ta’ Hagia Paraskevi nixtieq ningħaqad magħkom illum fil-ferħ ta’ din iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid tal-Mulej, għax dan l-isem: Paraskevi, ifisser proprju hekk: “Jum it-Tħejjija”, “Jum l-Għid tal-Mulej”, “Jum il-Mogħdija” minn din id-dinja għal għand il-Missier. Dan il-kult f’ġieħ Hagia Paraskevi li daħal fil-Knisja Latina minn dik Griega u li niżel fostna minn Sqallija, huwa kult li jiġi ċċelebrat flimkien fl-istess jum kemm fil-Knisja tal-Lvant kif ukoll f’dik tal-Punent, kemm fil-Knisja Griega kif ukoll f’dik Rumana. Fil-Knisja tal-Lvant dan huwa kult qawwi għax jiċċelebra r-rebħa tas-Salib li jagħti l-ħajja, fil-ħajja ta’ din il-Verġni u Martri li isimha jfisser proprju hekk. Għax xi nsibu fil-leġġenda ta’ Hagia Paraskevi? Xejn ħlief ir-rebħa tas-Salib li jagħti l-ħajja quddiem tant oppożizzjoni, tant tiġrib u persekuzzjoni. Xi nsibu fil-leġġenda ta’ Hagia Paraskevi, jekk mhux l-istess rakkont tal-Passjoni tal-Mulej fuq is-Salib u r-rebħa tiegħu fuq il-ħażen u d-dnub? L-ewwelnett leġġenda trid tfisser rakkont li jinqara pubblikament, maħsub biex jgħallem u jsaħħaħ fil-fidi permezz ta’ allegoriji u tixbihat. Fil-fatt jekk naqraw b’attenzjoni, nindunaw li l-ġrajja ta’ Paraskevi, hija l-istess ġrajja tal-Ġimgħa l-Kbira. F’kelma waħda nindunaw li Paraskevi, Venera, tistħoqq il-qima tagħna proprju għaliex hi għexet is-Salib tal-Mulej. Fi ġrajjietha nsibu kif il-kapijiet tal-Lhud ħaduha għand il-gvernatur għall-kundanna l-istess bħalma ftit tas-snin qabel il-kapijiet tal-Lhud f’Ġerusalemm ħadu lil Kristu għall-ġudizzju quddiem Pilatu. Insibu wkoll li bħal Ġesù Kristu, Paraskevi, qabel ġiet maqtula għaddiet minn diversi tribunali tal-bnedmin, u mhux inqas insibu kif quddiem ix-xhieda tagħha quddiem it-tribunali u fit-tiġrib tal-persekuzzjoni, xi wħud kienu jinġibdu lejn Kristu imqanqlin mill-ġmiel u l-umiltà tagħha, l-istess bħalma nsibu fir-rakkonti tal-Passjoni ta’ Sidna, li quddiem il-qalb ħelwa ta’ Kristu, x’uħud kienu jdawwru qalbhom lejn Alla. X’ingħidu mela f’dan il-jum iddedikat lil Hagia Paraskevi, jekk mhux li l-ħajja tagħha hi allegorija tal-ikbar ġrajja tal-fidi tagħna, “dik il-fidi li rebħet id-dinja”, kif jgħidilna San Pawl! Iva ħuti għeżież, Paraskevi, Jum il-Ġimgħa l-Kbira, jistħoqqlu l-ogħla ġieħ u tifħir, minn hawn l-isem latinizzat għall-Grieg Paraskevi jinġieb bħala Venera għax dan il-jum jistħoqqlu l-ġieħ u l-venerazzjoni (Venera Venerandae Parascevi tghid il-kitba fuq il-bust relikwarju f’ Acireale) l-aktar għolja għax huwa l-Jum tar-Rebħa tas-Salib ta’ Kristu fil-ħajja ta’ dawk li jilqgħuh bil-ferħ permezz tat-talb bla heda u l-istudju attent tal-Kelma ta’ Alla.

Illum huwa jum ir-rebħa tas-Salib ta’ Kristu fil-ħajja ta’ Paraskevi, Venera, din il-mara, verġni kkonsagrata lil Alla, kollha kemm hi tiegħu, li quddiem Alla u quddiem il-bnedmin dehret bint is-Sbuħija u d-Determinazzjoni Ħielsa. Għalhekk fil-ġrajja tagħha nsibu li hija bint Agatone u Ippolita, koppja nisranija mill-Gallja, li emigraw lejn Ruma u li isimhom ifisser proprju “Sbuħija” u “Dik li tagħti l-ħelsien liż-żwiemel”, jiġifieri d-determinazzjoni qawwija u ambizzjuża li tilħaq l-għan li trid. Dawn huma l-ewwel żewġ kwalitajiet li nitgħallmu mill-ġrajja ta’ Paraskevi, Venera: li aħna li tnissilna mill-magħmudija tagħna fis-Salib tal-Mulej li jagħti l-ħajja, aħna wlied is-Sebħ ta’ Alla li b’determinazzjoni qawwija ħelisna biex ma nkunux imjassra u marbuta ma’ dak li fid-dinja ta’ madwarna jxekkilna u li ma jħalliniex nintrefgħu b’ambizzjoni lejn is-Sebħ tal-Ġenna, l-għan ewlieni ta’ ħajjitna fuq l-art, “għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja imbagħad jitlef ruħu?”

Il-ġrajja ta’ Paraskevi, Venera, tixprunana u timbuttana biex aħna nieħdu bis-serjetà s-sejħa nisranija tagħna u nkunu nsara ta’ sinsla imsebbħin bis-Salib ta’ Kristu u b’dik id-determinazzjoni tal-fidi li teħlisna mill-irbit li jrid iżommna marbutin ma’ dina l-art. Il-ġrajja ta’ Venera tgħallimna li neħtieġu din id-determinazzjoni biex nitqabdu bħalha f’din id-dinja kontra ħames attakki kbar li x-xitan jagħmel kontra tagħna, hu li “bħal iljun jgħajjat idur u jfittex lil min jibla’”, biex ixekkilna u ma jħalliniex nerfgħu fuqna l-madmad ta’ Kristu.

Id-determinazzjoni li timxi wara Kristu jkun xi jkun il-prezz, narawh fil-ġrajja ta’ Venera meta jingħad li għalkemm kienet taf li hemm il-mewt tistenniha hija telqet, bħal Kristu lejn Ġerusalemm, itterraq ixxandar l-Evanġelju fi Sqallija, u fit-Turkija, fejn sa llum f’Therapia għad hemm santwarju l-kbir tagħha fuq l-għajn li bl-ilma tagħha fejqet lill-gvernatur agħma. Is-sbuħija u d-determinazzjoni tagħha kull fejn terrqet ġibdu erwieħ għal Kristu u kien minħabba f’dan li hija tiġi attakkata mid-dinja u mill-Missier tal-gideb. Fil-ġrajja ta’ Paraskevi, jew ta’ Venera, dawn l-attakki komuni għalina lkoll insibuhom mogħtija lilna taħt l-allegoriji tal-persekuzzjoni:

1. L-elmu kollu msiemer: L-Imperatur meta jara li Venera ma ridetx taf bil-ħajr tiegħu li jeħodha għalih u jagħmilha Imperatriċi jekk tiċħad il-Kristu, imur ilibbisha elmu tal-azzar kollu msiemer sabiex itaqqbilha rasha. L-elmu huwa s-simbolu tal-protezzjoni. Is-salmista jqabbel il-ħarsien ta’ Alla ma’ elmu li nxiddu f’rasna kontra l-attakki minn barra tal-għadu. Venera, il-verġni għaqlija li tishar, u li xiddet fuq rasha sa minn tfulitha, fil-ħajja konsagrata lil Alla f’dar tal-vergni u r-romol, l-elmu spiritwali tal-ħsibijiet qaddisa, għax kif tgħallimna l-Iskrittura u r-Regula Karmelitana: “Il-ħsieb qaddis iħarsek” u dan l-elmu ħarisha biex ma tħallix il-mentalità tad-dinja tidħol f’rasha u f’moħħha, imma tibqa’ sħiħa “fil-mentalità ta’ Kristu”. Ilbsu l-istess sentimenti u l-moħħ ta’ Kristu jwissina San Pawl. Għaldaqstant l-elmu tal-imsiemer bħala mezz ta’ tortura jrid ifisser l-attakki tad-dinja persistenti u niggieża, li ttaqqablek rasek biex fl-aħħar inti ċċedi u tbiddel il-mentalità ta’ Kristu ma’ dik tad-dinja: “timxux max-xejra ta’ din id-dinja” jwissina San Pawl! Għeżież ħuti, hijiex din ukoll il-persekuzzjoni fina li lkoll kemm aħna għaddejjin minnha llum fid-dinja tagħna b’ċertu persistenza li ttaqqablek rasek u li tektek illum u tektek għada qed twassalna biex nibdlu bil-mod il-mod il-mentalità ta’ Kristu ma’ dik tad-dinja! Henjin dawk li jishru biex ma jaqgħux f’dan l-ewwel tiġrib li fuqu ħareġ rebbieħ Kristu dakinhar li warrab minn quddiemu lil Pietru li beda jħajjru jnaqqas mid-determinazzjoni li jimxi lejn is-siegħa tal-Ġimgħa l-Kbira: “Itlaq minn quddiemi ja Xitan, għax m’intix taħseb bħal Alla, imma ta’ bniedem li int!” Dan huwa l-ewwel tiġrib li rebħet Paraskevi qabel dak il-martirju tad-demm.

2. Dendil mix-xagħar u l-idejn maħruqa: Għedna li Venera kienet tiġbed bis-sbuħija u d-determinazzjoni tagħha lil min kien jismgħaha xxandar l-Evanġelju, hekk li l-għedewwa tagħha riedu jsikktuha u dan ippruvaw jagħmluh billi jtappnu l-Ġmiel li hija kienet qegħdha xxandar kull fejn tmur u hekk ixejjnu l-predikazzjoni biex ma jkollhiex effett, kif ngħidu bil-Malti, jorbtulha idejha biex ma tkunx tista’ tkompli dak li bdiet. Dan it-tiġrib jingħata lilna fil-ġrajja ta’ Paraskevi fis-simbolu tat-tortura li tawha li jdendluha minn xagharha twil u jaħarqulha idejha. Ix-xagħar fl-Iskrittura u fis-simboloġija ifisser is-sbuħija li tiġbdek u tisraqlek qalbek. L-idejn huma s-sinjal tal-ħidma fejjieda. Meta l-ġrajja tgħidilna li dendluha minn xagħrha, bħal Assalonne bin David fir-Rabta l-Qadima mas-siġra, u li ħarqulha jdejha, l-awtur tal-ġrajja jrid jurina li forma oħra ta’ persekuzzjoni hija dik li tipprova ttappan il-ġmiel u twaqqaf il-ħidma ta’ Venera. Din hija forma oħra ta’ persekuzzjoni, tattika tajba u effiċjenti ta’ kif anke fi żmienna il-qawwiet tal-ħażen u dawk li għandhom interess li l-Knisja tibqa’ tajba biss għas-sagristija tehda bil-logħob tal-vari, mingħajr ma l-messaġġ tal-Evanġelu jibqa’ jixxandar b’effiċjenza, arawhom ifittxu li jtappnu l-ġmiel tal-qdusija li hemm fil-poplu ta’ Alla, fl-insara dedikati u fil-ħajja ta’ dawk li f’idejhom hu afdat ix-xandir tal-Evanġelju. Dak hu l-mod ta’ kif torbot u taħraq idejn l-Għarusa ta’ Kristu li hi l-Knisja billi tipprova teqirdilha u ttappnilha l-ġmiel spiritwali tagħha sabiex tidher quddiem id-dinja bħala istituzzjoni skaduta, mhux ta’ min jafdaha, mhux ta’ min jinġibed lejha u lejn l-Evanġelju li xxandar! Min se jagħti każ ta’ Knisja bħal din?! Venera tisboq ukoll dan it-tiġrib u din it-tattika billi tħalli l-ħajja u l-ġmiel ta’ Kristu tiddi fiha. Ħuti nsara ejjew iktar ma nħossuna ppersegwitati iktar infittxu li nxerrdu madwarna “l-fwieħa ħelwa ta’ Kristu”. Iktar ma d-dinja ta’ madwarna ssir ostili għall-Evanġelju, iktar jeħtieġ li nħallu jidher il-ġmiel ta’ Kristu fina bil-ħajja qaddisa tagħna. Venera, tgħidilna l-ġrajja, batiet ħafna b’din it-tattika, imma bl-ebda mod ma’ marret lura mid-determinazzjoni tagħha. Hekk aħna, jekk aħna tassew dixxipli ta’ Kristu ejjew ma nħallux lilna nfusna niġu ntimidati jew nibżgħu nuru li aħna tassew dixxipli ta’ Kristu, is-Sbuħija tal-Evanġelju nħalluha tiddi fina biex tiġbed lil min lil Kristu għadu ma jafux. Ejjew inkunu lesti dejjem “nagħtu sodissfazzjoni tal-fidi tagħna” kif jistedinna San Pietru f’waħda mill-ittri tiegħu, biex ħadd ma jsib xi jgħid fina u hekk jigi fix-xejn is-Salib ta’ Kristu.

3. Il-Kaldarun biż-żejt u ż-żift jagħli: Simbolu ieħor daqstant impirtanti fil-grajja ta’ Venera huwa ż-żejt u ż-żift, hekk li nsibuh darbtejn fir-rakkont tal-martirju. Waqt li ż-żejt huwa s-simbolu tad-duwa tal-Ispirtu li jfejjaq u sinjal tal-konsagrazzjoni lil Alla, iż-żejt jagħli mħallat maż-żift huwa simbolu tad-dnub. Meta l-ġrajja tgħidilna li lil Venera tefgħuha f’kaldarun żejt jagħli biż-żift, f’kelma waħda jridu jfissru li forma oħra ta’ persekuzzjoni li rebħet din il-qaddisa kienet ir-rebħa fuq id-dnub li dejjem inassas madwarna u fina. Il-kaldarun huwa s-simbolu tat-taħlit u t-tisjir u t-trasformazzjoni. Venera minn dal-kaldarun toħroġ qawwija u sħiħa, ma titħallatx, ma ssirx ħaga waħda mad-dnub, hi l-verġni safja kkonsagrata lil Alla mewwtet ġewwa fiha l-għeruq tad-dnub u l-ħażen, mhux talli hekk, talli huwa l-Gvernatur li jagħma b’dan iż-żejt u ż-żift, jagħma għax id-dnub hu għama li ma jħalliniex naraw id-dawl ta’ Kristu. Huwa għalhekk li Venera lill-gvernatur tistqarrlu li Kristu biss u l-Knisja jistgħu jagħtuh lura d-dawl, u hekk tagħmel bil-qawwa ta’ Kristu u bil-ħasil tal-ilma mill-għajn ta’ Therapia fit-Turkija, li proprju tfisser fejqan. It-terapija tagħna huwa Kristu, hu li jneħħilna l-għama minn għajnejna biex aħna nibdew ngħixu u naġixxu fid-dawl tiegħu. Venera tgħallimna ma nitħalltux mad-dnub u mal-ħażin, dan iż-żift u ż-żejt li mhux biss jibqa’ mwaħħal magħna imma jaħraqna, jdallamna, jkerraħna. Nilqgħu f’ħajjitna l-istedina tal-Appostlu biex ma nimxux fid-dlam iżda fid-dawl, id-dawl ta’ Kristu. Ejjew nieqfu nitħalltu mad-dnub, bil-kompromessi tagħna, bl-infedeltà tagħna. Ejjew nevitaw li nitħalltu ma’ raġunar u mġieba li jdallmu fina d-dawl ta’ Kristu, ma nħallux ix-xejra tad-dinja tibdlilna x-xejra tagħna ta’ dixxipli ta’ Ġesù.

4. Is-serpent: Mnejn jiġi dan it-taħlit mad-dinja tad-dnub? Jiġi mill-għeruq tal-ħażen li hemm fina u madwarna. Għeruq l-egoiżmu tagħna u għeruq il-ġibdiet tagħha li tradizzjonalment ngħarfuhom bħala l-irjus tad-dnubiet il-kbar li joqtlu fina l-ħajja ta’ Alla. Paraskevi tqabdet ukoll mal-għeruq tal-ħażen ġewwa fiha u barra minnha. It-theddid tas-serpent velenuż li tefgħuha miegħu f’lublijiet taħt l-art u r-rebħa tagħha fuqu bis-sinjal tas-Salib irid ifisser din ir-rebħa fuq it-tentazzjonijiet li jiġuna kemm minn ġewwa fina kif ukoll minn barra minna għal dak kollu li mhuwiex sewwa u li jimbuttana biex ngħixu b’mod egoist fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u mal-bnedmin. Huwa s-Salib ta’ Kristu li jwarrab minna t-tentazzjonijiet, it-tiġrib u l-ġibda għal dak li hu ħażin. Nitwaħħdu miegħu u ngħarfu ftit lilna nfusna dwar liema huma dawk il-ġibdiet interjuri li lili dejjem ikidduni u jwaqqfuni u jfixkluni fil-ħajja nisranija tiegħi. Nintrabat mas-salib ta’ Kristu għax b’dan l-ispirtu tas-salib biss aħna nistgħu neqirdu fina l-ġibda għal dak li hu ħażin, it-tentazzjoni tas-serpent tal-qedem. Li titwaħħad mas-salib ta’ Kristu jfisser li “tmut għad-dnub u tgħix għall-grazzja ta’ Alla” kif jgħallimna tajjeb San Pawl huwa u jitkellem fuq il-magħmudija tagħna li hija proprju dan il-passaġġ mill-bniedem il-qadim għall-bniedem il-ġdid skont Kristu.

5. Il-Blata fuq qalbha: Il-ħajja tad-dnub fina u madwarna thedded li titfi ġewwa fina l-imħabba għal Kristu. Meta aħna ma neħdux bis-serjetà il-ħajja spiritwali tagħna, naqgħu fil-periklu li nitilfu jew ngħaffġu fina l-imħabba mħeġġa għal Kristu għax kif jgħidilna Ġesù stess, “ma jistax ikollok żewġ sidien għax tobgħod lil wieħed u tħobb lil ieħor”. It-tiġrib tal-blata kbira u tqila li għaffġu biha sider Venera irid ifisser proprju dan il-periklu imma wkoll din ir-rebħa ta’ Venera fuq dak li hedded li jitfi u jgħaffeġ fiha l-imħabba mħeġġa għal Kristu. F’din it-taqbida hija “talbet lil Kristu jgħinha tibqa’ sħiħa u qawwija” fl-imħabba tagħha, fl-għotja sħiħa tagħha lilu, sabiex hi li semghet lil Kristu l-Mahbub taghha jitlobha tqeghdu bhal sigill fuq qalbha ma thalli l-ebda piz ikisser dan is-sigill. Ghax araw huwa t-talb u t-talb biss li jqawwina kontra dan il-periklu li nħallu jitgħaffeġ u jintefa ġewwa fina n-nar tal-imħabba taħraq għal Kristu. Jekk allaħares jiġri dan mingħalina, inkunu tassew qed ngħixu ta’ nsara medjokri, fl-apatija tal-fidi u meta jiġi l-jum tal-prova bħalma wasal fuq Venera biex hija tagħti xhieda, aħna niġu misjuba li ma niswew xejn u li f’qalbna mhux tassew aħna nsara dixxipli ta’ Kristu. Alla jħarisna milli qatt dan iseħħ fina!

Ir-rebħ ta’ Paraskevi fuq dawn il-ħames taqbidiet kbar li jiena nqabbilhom mal-ħames pjagi ta’ Sidna Ġesù Kristu iġib miegħu il-ħelsien mill-influwenza tad-dinja pagana li fiha aħna ngħixu, ħelsien mill-idolatrija: jiġifieri milli nqegħdu t-tama u s-sigurtà tagħna fi ħwejjeġ oħra li mhumiex Alla. Huwa għalhekk li qabel il-martirju, quddiem Venera jaqgħu u jitfarrku l-idoli tat-tempju pagan, għax hi bir-rebħ tagħha fuqha nnifisha, fuq id-dinja ta’ madwarha u fuq ix-xitan, kienet “tadura lil Alla sewwasew fl-ispirtu u l-verità” kif jgħallem Ġesù lis-Samaritana biswit il-bir ta’ Gakobb.

F’dan il-jum imqaddes bil-martirju ta’ Paraskevi ejjew nitolbu lil Alla bl-interċessjoni ta’ din il-qaddisa li l-Orjent nisrani jsejħilha “il-Verġni Kbira u Ġusta, Martri ta’ Kristu u tawmaturga qawwija quddiem Alla li tfejjaq l-agħma” tar-ruħ u tal-ġisem; nitolbu sabiex bħalha f’dinja li ttaqbilna rasna bi ħsieb li mhux ta’ Kristu, f’dinja li tfittex li tneżżgħalna s-sbuħija tal-ħajja tagħna fi Kristu, f’dinja li trid tibdilna skont ix-xejra tagħha, fit-tentazzjonijiet u t-tiġrib li jiġi min-natura dgħajfa tagħna u f’dinja li trid titfilna u tgħaffġilna l-imħabba taħraq għal Kristu, inżommu sod fil-fidi għax għad jasal dak il-jum tan-nar li fih niġu ppruvati aħniex ta’ Kristu u s-Saltna tiegħu jew tad-dinja u s-sid li jmexxiha lejn it-telfien.

Nitolbuha llum lil Hagia Paraskevi, lil Santa Venera, taqlgħalna l-grazzja li bħalha nġibu f’ġisimna l-mewt ta’ Kristu biex tidher fina l-istess ħajja tiegħu:

It-tħabrik tiegħek, ja Paraskevi, jixraq tassew lil ismek li jfisser tħejjija.
Bil-fidi inti writt l-għamara mwegħda lilek, ja Martri li ħtaft il-premju. Sawwab bil-kotra fuqna l-fejqan u idħol għalina int quddiem Alla.
Inti tidher quddiemna llum o qaddisa, f’darek li hija sptar tar-ruħ
u aħna lkoll fiha b’devozzjoni nagħtuk ġieħ b’ilħna qawwija,
o Martri twajba mfaħħra minn kulħadd!

Leħen l-Għarus sejjaħlek b’għarustu u żejnek b’kuruna li ma tintemmx lilek li ħsiebek hu divin, o glorjuża Paraskevi.
Hu għażlek u sabek li inti jistħoqqlok tingħadd mal-qtajja tal-martri u r-rebbieħa qalbiena.
Kif illum tifraħ magħhom, ftakar fina li b’umiltà nħarsu din il-festa qaddisa tiegħek f’din il-knisja tiegħek.
Xerred fuqna, o verġni u martri l-aktar għarfa, mill-kori tas-sema u mill-qtajja tal-verġni għaqlin, il-fejqan mill-agħma tar-ruħ u l-ġisem.
Harrab minna l-ispirti mniġġsa u agħtina l-fejqan hekk kif garraft l-idoli pagani u tajt id-dawl lill-għami li ried jeqirdek.
Inti li mxejt dritta u bla biżgha quddiem l-imsiemer, iż-żejt u x-xabla, agħtina li ma nagħtu qatt pass lura mill-kelma li tajna lil Kristu dakinhar tal-magħmudija tagħna li biha sirna għal kollox tiegħu,
Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Hekk ikun.

(mill-Apolitikon, Kontakion, Oikos u Prosomoia f’gieh Haghia Paraskevi)

VIVA SANTA VENERA

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook