Jul 13th

FlabelliMeta wieħed jidħol fi Knisja Karmelitana fi żmien il-festa jsib armati fuq l-altar par “oġġetti” strambi qishom imriewaħ kbar, tar-rix tal-pagun (ta’ veru jew mistħajjel) jew tal-ostrich. Qed nirreferi hawnhekk ghall-“Flabelli”, kelma Latina li tfisser fil-fatt “Imriewaħ”. Dawn l-Imriewaħ li jintużaw fil-Liturgija Karmelitana nsibuhom ukoll fir-Rit Dumnikan u l-għeruq tagħhom insibuh fil-liturġija tal-Lvant li mill-Art Imqaddsa permezz tar-Rit tas-Santu Sepulkru li gej mit-Tradizzjoni Gallikana influwenza kemm dak Karmelitan kif ukoll dak Dumnikan.

Fil-Knisja Rumana il-flabelli kienu jintużaw, sar-Riforma Konċiljari, biex jakkumpanjaw ukoll il-Papa fil-proċessjonijiet Trijonfali bħala sinjal ta’ regalità. Hawnhekk ukoll insibu l-influwenza Orjentali ġejja mill-kuntest irjali jew imperjali.

Dawn l-imriewaħ ikollhom qalba tal-metall iżżomm fuq qasba tal-injam jew tal-avorju. Mill-qalba tal-metall joħorgu r-rix li jsawwru l-imrewħa nnifisha u jintużaw fil-liturġija biex jakkumpanjaw l-Evanġelju, is-Salib u r-relikwi insinji jew xbihat qaddisa u juru r-regalità ta’ Sidna Ġesù Kristu u l-Verġni Marija.

L-użu tagħhom fil-liturġija kemm tal-Lvant kif ukoll tal-Punent imur lura għas-seklu 4. Fil-Kostituzzjonijiet Ekkleżjastiċi (Lib. 8) insibu li “żewg djakni biswit l-altar, wieħed kull naħa, għandhom iżommu mrewħa tal-ġild jew weraq fin jew maħduma mir-rix tal-pagun jew drapp fin, u jrewħuhom bil-galbu biex ibarru l-insetti milli jtiru għal ġol-kalċijiet” (VIII/2). Fil-Punent l-użu tal-Palla li tgħatti l-kalċi ħadet il-post tal-flabelli.

Flabelli (3)L-użu tar-rix tal-pagun kien preferut fil-ħadma tal-flabelli minħabba l-forma tar-rixa li għandha fiha qisha għajn, hekk li turi wkoll b’mod simboliku il-Kerubini u s-Serafini b’Sitt iġwienah u ħafna għajnejn, kif jiddeskrivihom Iżaija l-Profeta jgħassu bla ma jaqtgħu t-Tron ta’ Alla fis-Sema. Ghaldaqstant barra mil-Liturġija dawn jinżammu waħda fuq kull naħa tal-altar bħal għassiesa, kemm fir-Rit Karmelitan kif ukoll f’dak tal-Lvant. Fil-Lvant il-flabelli tneħħewlhom ir-rix u nżammet biss il-qalba tal-metall li turi l-Kerubini u s-Serafini mwieżna fuq qasba. Bil-Grieg jirreferu għalihom bħala άγια ριπίδια (aghia ripidia, i.e. imriewaħ imqaddsa) jew ukoll εξαπτέρυγα (hexapteryga: is-sitt ġwienaħ). San Sofronju († 641) Patrijarka ta’ Ġerusalemm jgħid li dawn l-imriewaħ imqaddsa jfakkruna fil-preżenza tal-ħlejjaq tas-sema fil-liturġija tal-Knisja. Waqt li San Fozju († 886) Patrijarka ta’ Kostantinopli jgħallimna li l-imriewaħ ifakkruna li aħna qed nieħdu sehem b’ mod li jidher f’dawk il-misteri li ma jidhrux bl-għajnejn tal-ġisem u hekk nerfgħu ruħna minn dak li naraw għal dak is-Sebħ u l-Ġmiel li la narawh u lanqas nistgħu infissruh bl-għajnejn u l-kliem.

Fir-Rit Karmelitan il-flabelli jintużaw waqt it-talba ewkaristika bħal fil-Liturġija tal-Lvant imfassla minn San Ġwann Griżostmu, fil-Kanone mill-offertorju sal-ħin tat-tqarbin. Fil-Liturġija ta’ San Bażilju jintużaw biss waqt il-konsagrazzjoni. Barra minn hekk jakkumpanjaw ukoll il-proċessjonijiet liturġiċi, l-Evanġelju u l-ikoni ta’ Kristu u l-Vergni Marija. Fl-Ordni Karmelitan il-flabelli baqgħu jintużaw biss f’ Malta fit-Tifkira Solenni tal-Madonna tal-Karmnu. Fil-Knisja Latina nsibuhom ukoll użati f’xi nħawi fejn hemm tradizzjoni liturġika qawwija marbuta ma’ monasteri tal-qedem.

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook