“Ftakar f’Abraham, f’Iżakk u f’Ġakobb, qaddejja tiegħek…”
L-ewwel qari tal-quddiesa ta’ llum jagħtina din it-talba sabiħa ta’ nterċessjoni li Mose jagħmel quddiem Alla b’risq il-poplu tiegħu li waqa’ fl-idolatrija u kellu mdendel fuq rasu l-korla u l-kastig ta’ Alla. “Ftakar” jitkarrab Mose quddiem Alla. It-tradizzjoni Lhudija u Nisranija hija mibnija fuq il-memorjal, jiġifieri tifkira ħajja.
Alla jiftakar fil-ġusti li sawwru l-poplu tiegħu u jħenn għal wirthom għalkemm ħżiena u midinbin. Il-poplu wkoll jiftakar f’dak li għamel Alla fl-imgħoddi u jitqanqal li jgħix ħajja qaddisa. Skont il-qalb ta’ Alla. Fl-ewkaristija u f’kull ċelebrazzjoni aħna niftakru f’dak li Alla għamel magħna permezz ta’ Ġesu’. Inżommu ħajja t-tifkira tal-ħidma ta’ Alla għalina u nitqanqlu għal ħajja aħjar. Ma nwebbsux qalbna bħal-Lhud tal-evanġelju ta’ llum li Ġesu’ jċanfarhom għax ma jemmnux fl-għeġubijiet ta’ Alla minkejja li jqallbu l-Iskrittura. Nitolbu biex il-fidi tagħna tkun ħajja u tagħti l-frott tal-qdusija f’ħajjitna.
Go Ahead, Leave A Comment