Feb 18th

Man of Sorrows by William Dyce (c) National Galleries of Scotland; Supplied by The Public Catalogue Foundation

Qari

Ġen 9:8-15
1Piet 3:18-22
Mk 1:12-15

L-Ewwel Ħadd tar-Randan dejjem jiftaħ bl-esperjenza ta’ Ġesù fid-deżert wara l-magħmudija fil-Ġordan minn Ġwanni l-Għammied. Din is-sena ir-rakkont hu meħud mill-Evanġelju skond San Mark. Ir-rakkont jgħaġġibna għall-qosor tiegħu: żewġ versi kollox (Mk 1:12-13). Mill-vers 14-15, li jinqraw ukoll illum, nieħdu s-sejħa ta’ Ġesù għall-konverżjoni.

San Mark jiġbor l-esperjenza ta’ Ġesù fid-deżert f’żewġ versi! Iżda tistagħġeb kemm dawn iż-żewġ versi huma profondi. Fil-vers tnax San Mark jgħidilna li “Minnufih l-Ispirtu mexxih fid-deżert”. Ħa niflu ftit dan il-vers:

Minnufih. Bl-oriġinal Grieg εὐθύς, li turi azzjoni immedjata, mill-ewwel. Tagħti wkoll is-sens li kien hemm il-ħtieġa li jsir hekk. Bil-Malti kieku ngħidu “minnufih għax hekk meħtieġ” jew “għax hekk għandu jkun”. X’inhu dan il-minnufih? San Mark huwa l-Evanġelju tal-minnufih. Jurina li hemm ċerta urġenza li Ġesù jibda’ u jtemm il-missjoni tiegħu. Fil-versi ta’ qabel, meta jirrakkuntalna l-magħmudija ta’ Ġesù, San Mark jgħidilna li nfetħu s-smewwiet u li l-Ispirtu s-Santu niżel fuqu u Ġesù (waħdu) sema’ leħen jgħidlu: “Inti Ibni l-maħbub, li fik nitgħaxxaq”. Eżattament ma’ dal kliem, minnufih l-Ispirtu mexxa lil Ġesù fid-deżert.

Mexxih. L-espressjoni fl-oriġinal Grieg tgħid: ἐκβάλλει εἰς, litteralment, “ħarġu b’saħħa li ma setax jiqfilha”, jew “keċċih”. Minn fejn keċċih? Mill-esperjenza tal-Ġenna biex tefgħu fid-deżert flimkien mal-bhejjem selvaġġi u l-anġli li jaqduh. Mingħajr ma rridu dan ifakkarna fil-ġrajja tal-Ġenesi fejn Alla keċċa lill-ewwel bniedem, Adam, mill-Ġnien tal-Għeden, mill-Ġenna tal-Art u bagħtu jgħammar f’art ostili għalih li ma troddx frott, f’kelma waħda f’deżert! Adam tkeċċa mill-Ġenna tal-Art minħabba dnubu, hu li b’kilba midd idejh lejn is-siġra u kiel il-frotta biex ikun daqs Alla. Ġesù Kristu ġie mbuttat ’il barra mill-Ġenna għad-deżert sabiex jieħu fuqu x-xorti ta’ Adam. San Mark jgħidilna li dam erbgħin jum imġarrab mix-xitan, bħal Israel u bħall-Profeta Elija. Iżda jekk Adam waqa fl-eżilju ħtija tiegħu, Ġesù Kristu ntbagħat u niżel għax ried lejn id-deżert biex jirbaħ il-kilba tal-ewwel bniedem li jieħu post Alla, billi hu “li kellu n-natura ta’ Alla, ma qgħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma tneżża’ minn kollox billi ħa s-sura ta’ lsir. Sar jixbah lill-bniedem u deher minn barra bħala bniedem. Xejjen lilu nnifsu billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” jgħidilna San Pawl. U dan biex lilna jerġà jdaħħalna fl-Għeden, il-ġenna, f’kelma waħda jħabbibna ma’ Alla! Ġesù Kristu mela huwa l-patt ta’ Alla magħna, il-qawsalla tas-sliem tagħna miegħu, li t-tixbiha tagħha rajniha fil-Ġenesi wara l-qerda tad-dilluvju li llum jingħatalna fl-ewwel qari tal-quddiesa (Ġen 9:8-15).


It-tieni qari tal-quddiesa ta’ llum idawwal dan it-test tal-Evanġelju billi jgħidilna: “Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba d-dnubiet; hu li kien ġust, miet għall-inġusti biex iressaqkom lejn Alla; kien mogħti l-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-ispirtu, li bih mar ixandar is-salvazzjoni lill-erwieħ li kienu magħluqa fil-ħabs. Dawn kienu l-erwieħ ta’ dawk li darba ma ridux jisimgħu…” (1Pt 3: 18-19).

Wara din l-esperjenza ta’ erbgħin jum fid-deżert, Ġesù mill-ewwel imur jippriedka u jibda l-missjoni pubblika tiegħu b’risq Adam imwaqqa’ u bla ħila. L-ewwel sinjali ta’ Ġesù f’San Mark huma proprju t-tkeċċija tax-xjaten u l-mard tad-deni u l-ġdiem, simboli tal-ħakma tax-xitan tas-suppervja u l-firda.

L-ewwel ma tinterpellana l-Kelma ta’ Alla llum huwa b’din il-mistoqsija: “lili liema spirtu jmexxini fil-ħajja tiegħi? L-Ispirtu ta’ Alla jew l-ispirtu tax-xitan li jġib il-firda, l-qerda, in-nixfa. San Pawl fl-Ittra lir-Rumani jgħidilna li “dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla”. (Rum 8:14). Ġesù kien għadu kemm ħiereġ mill-Ġordan waqt dik it-teofanija li fiha ntagħraf li hu Bin Alla. Ġesù juri li hu Bin Alla minn dak li jagħmel, jiġifieri li jħalli lilu nnifsu jitmexxa mill-Ispirtu s-Santu. L-ubbidjenza ta’ Ġesù li jagħti widen għall-Ispirtu ta’ Alla u mhux l-ispirtu tas-serpent tal-qedem, bħalma għamel Adam, terġa’ tagħtina l-kapaċità li nisimgħu lil Alla sabiex id-deżert li fih ngħammru jieħu l-ħajja mil-ġdid.


 

 

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook