“Lilna eħlisna bil-qawwa ta’ jdejk u għinni, lili, li jiena waħdi u ma għandi lil ħadd ħliefek, Mulej.” Din it-tnehida tas-Sultana Ester tiġbor il-karba tagħna lkoll kull darba li nduru lejn il-Mulej biex nitolbuh. X’ħasra li d-drabi li fihom induru lejn Alla biex nitolbuh ikunu kkaraterizzatti ħafna drabi minn bżonnijiet personali minflok tassew it-tifħir ta’ Alla! Kemm aktar jixraq li nitolbu għax nirringrazzjaw u nfaħħru l-ġmiel u l-kobor ta’ Alla milli għax sempliċiment irriduh jaqlalna xi grazzja!
Ġesù, imbagħad, fl-Evanġelju tal-lum ikompli jgħallimna kif għandna nitolbu sew. It-talb għandu żewġ dimensjonijiet:
L-ewwel dimensjoni hija ħarsa ’l fuq lejn Alla. Ġesù jgħidilna min jitlob jingħatalu, min ifittex isib, min iħabbat jiftħulu. X’se nfittxu u x’se nsibu? Se nfittxu li nkunu nafu lil Alla, li ngħożżu l-għeġubijiet li jagħmel magħna (jekk aħna nħalluh!), li nħobbu l-Kelma tiegħu fuq kollox u fuq kulħadd. Se nsibu b’hekk l-hena tassew, il-ferħ tal-qalb li mhux ġej minn din id-dinja u li ma jispiċċax magħha imma li jibqa’ għal dejjem għax huwa ferħ divin. Se nfittxu għaqda ma’ Alla li tibqa’ u se nsibu li Alla diġà kien magħna mingħajr ma ntbaħna. S. Wistin jesklama quddiem Alla li “qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx fiH.”
It-tieni dimensjoni hija ħarsa ’l isfel lejn ħutna l-bnedmin. Jekk fit-talb hija importanti r-relazzjoni tiegħi ma’ Alla – jiġifieri li ma nitrattahx għall-użu tiegħu imma għaliH innifsu – daqstant ieħor hija importanti r-relazzjoni tagħna mal-oħrajn. Il-Kelma t’Alla turina b’mod ċar illum li l-kriterju li bih għandna nqisu jekk l-azzjonijiet tagħna lejn l-oħrajn humiex tajbin jew ħżiena huwa mistoqsija sempliċi imma taqta’: li kieku kellhom l-oħrajn jagħmluli dak li jien qiegħed nagħmel lil ħaddieħor, nieħu gost bih jew le?
Dawn iż-żewġ dimensjonijiet mela juruna li: 1. mhux biżżejjed li nistennew lil Alla jaġixxi skont ix-xewqat tagħna, imma jeħtieġ l-ewwel u qabel kollox li nħobbuH għax hu Alla u mhux għall-ġid li jagħti. 2. il-mod konkret ta’ kif sejrin inħobbuh huwa fil-persuna ta’ ħutna l-bnedmin għaliex huma maħluqin fuq xbieha ta’ Alla.
We use cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue to use this site we will assume that you are happy with it.OkPrivacy policy
Go Ahead, Leave A Comment