Quddiem persuni, ċirkustanzi, realtajiet li nsibu ruħna fihom dejjem insibu ruħna rridu niddeċiedu x’nagħmlu, dejjem hemm għażla u kull għażla ġġib magħha l-konsegwenzi. Jekk nirriflettu tajjeb u nħarsu lejn il-ġurnata tagħna nindunaw li kull ħin aħna ngħażlu ħaġa jew oħra, niddeċiedu ħaġa jew oħra u nġorru l-konsegwenzi sbieħ jew inqas sbieħ tal-għażla li nkunu għamilna. Quddiem Alla l-istess.
L-ewwel qari ta’ llum (Dt 30:15-20) jurina lill-Mosè li jqiegħed quddiem il-poplu Lhudi għażla: ma’ Alla jew kontrih! Kien Alla li ħareġ il-poplu mill-Eġittu minn rajh, u kellu jissielet biex dan il-poplu jiċċaqlaq mill-jasar li kien fih fl-Eġittu, għax minkejja li maħqur u skjav, dan il-poplu kien dara mgħakkes… anke l-jasar jaf iġib ċerta “kumdità”. Dan hu l-ostaklu ewlieni li bih aħna qatt ma ninqalgħu mill-Eġittu tagħna: id-drawwiet ħżiena tagħna, atteġġjamenti li jagħmlulna l-ħsara, ġibdiet, vizzji, dipendenzi, għażż u ħela ta’ ħin, tlajjar u tnikkir, etċ… Mosè llum jiftaħ għajnejn il-poplu: kien Alla li ħelsek, imma issa inti trid tibqa’ ħieles? Hawn qiegħed l-imma u l-bużillis! Mosè b’din l-għażla bħal donnu jġib il-poplu f’sensih u jġegħlu jinduna li fl-għażla tal-ħelsien hemm responsabilità kbira għax irridu nġorru l-konsegwenzi ta’ dak li nkunu għażilna. Fir-realtà ma hemmx triq tan-nofs fl-għażla li ngħamlu: jew nagħżel li nibqa’ lsir tal-Eġittu tiegħi u nħalli dan l-Eġittu jsuqni u jikkmandani, u hekk inkun qed neżisti mhux ngħix; jonkella nagħżel il-ħelsien li jiġi minn Alla li ħalaqni b’dinjità u li tani l-kmandamenti biex nibqa’ sħiħ f’din id-dinjità. Jekk nagħżel il-ħelsien, jiena se nkun tassew dak li jagħżel li jmexxi ħajtu, mhux skjav tal-passjonijiet tiegħu u ta’ oħrajn, bħal qasba tixxejjer ma’ kull riħ. Din tal-aħħar mhijiex triq faċli lanqas. Fiha t-tbatija tagħha, imma tbatija li ġejja mill-ħelsien mhux mill-jasar.
Fl-Evanġelju ta’ llum (Lq 9:22-25), Ġesù b’ħelsien sħiħ jagħżel il-fedeltà lejn Alla u lejna għalkemm jaf li din se tiswielu s-salib. F’dan is-sens huwa jagħżel is-salib, għax it-tbatija tas-salib tiegħu hija l-konsegwenza tal-għażla li jingħata bla riservi. It-tbatija li tiġi mill-Eġittu hija tbatija ta’ jasar, skjavitù, tirannija, it-tbatija tas-salib hija t-tbatija tal-fedeltà fl-għotja sħiħa lil Alla u lil ħuti li lejhom għandi responsabilità li rfajt fuqi meta għażilthom f’ħajti. Għax tassew kif iwissina San Pietru: “Aħjar tbati għax tagħmel it-tajjeb, milli tbati għax tagħmel il-ħażin”.
Go Ahead, Leave A Comment