Iż 58:1-9
Salm 50: 3-19
Għam 5:14
Mt 9:14-15
Kemm il-darba nisimgħu jew ngħidu l-espressjoni: “Alla ma jismagħnix”, “Alla nsieni”. Ġeneralement ikunu espressjonijiet li joħorġu jew minn qalb muġugħa li tħossha abbandunata saħansitra minn Alla, jonkella minn qalb li tħoss li hemm x’jimblokka r-
relazzjoni ma’ Alla. Bħal ħajt twil għoli li jifred lil Alla minna u lilna minnu, abiss li jimpedixxi li min-naħa naqsmu għan-naħa l-oħra. “Għaliex somna u inti ma ħaristx… ma ntbaħtx”. Din hija l-karba tal-poplu quddiem Alla kif jagħtihielna Iżaija fl-ewwel qari tal-quddiesa ta’ llum. Alla jwieġeb għal din il-karba u jagħraf li l-poplu tiegħu “jitlob ġudizzji sewwa u jixtieq jersaq lejn Alla”, jagħraf ir-reliġjożità tal-poplu tiegħu. Madanakollu Alla jitfa’ l-attenzjoni fuq l-imġieba li hija problematika li qegħdha timblokka t-triq biex wieħed jersaq lejn Alla u jitwaħħad mal-ġustizzja tiegħu: imġieba inġusta li ttella’ ħajet bejn Alla u l-bniedem.
Il-Kelma ta’ Alla llum tiġbdilna l-attenzjoni li r-reliġjożità mhijiex garanzija ta’ ħajja mibnija fuq il-fidi! Fl-Evanġelju d-dixxipli ta’ Ġwanni u l-Fariżej jistaqsu lil Ġesù għalfejn huma jsumu u d-dixxipli tiegħu ma jsumux! L-imġieba ta’ Ġesù u d-dixxipli li ma jsumux tinterpella lil min hu reliġjożament f’postu biex jistaqsi l-għala, Ġesù l-Imgħallem u dawk li jimxu wrajh ma jagħmlux atti ta’ reliġjożità bħas-sawm. U Ġesù mingħajr ma jwieġeb il-mistoqsija direttament imur għall-essenzjal tal-fidi tagħna fih li hija mibnija fuq intimità miegħu, tqarrib lejh bħall-ħaddara tal-Għarus li huma fil-ferħ tal-ħbiberija miegħu. Is-sawm mela huwa sinjal tal-kundizzjoni tagħna ta’ midinbin fil-luttu tat-telfa tar-rabta tagħna mal-Imgħallem divin tal-kundizzjoni tagħna li tinsab ’il bogħod minnu u li għandna nfittxu nsewwu u nistaqsu dwaru mhuwiex daqstant is-sawm mill-ikel u xorb iżda jekk aħniex sajmin minn Alla mill-viċinanza tagħna miegħu.
Jiena minn xhiex jiena sajjem, minn Alla?
Minn xhiex se nsum biex nibqa’ fl-hena tal-Mulej li hu qrib tiegħi bħal Għarus mal-ħaddara?
2 Comments to "Il-Ġimgħa wara l-Erbgħa tal-Irmied"
Very well explained. Thanks
Hsieb nobbli u ta´riflessjoni li ghandu jakkumpanjana tul it-triq ghall-jum tal-fidwa u tal-qawmien tal-feddej.
Go Ahead, Leave A Comment