Iċ-ċavetta li biha għandna niftħu l-bieb tas-sens tal-mixja tar-Randan hija l-ħbiberija. Aħna msejħin biex ngħixu ħbieb magħna nfusna, mal-oħrajn, ma’ Alla. San Pawl isejħilna għal dan l-isforz tal-ħbiberija. Il-Profeta Ġoel fl-ewwel qari tal-quddiesa ta’ llum isejjaħ lill-poplu lura għal dan għax sa issa kien qed jgħix ’il barra minn din il-ħbiberija, minkejja, li ritwalment kien jieħu l-offerta tfuħ tas-sagrifiċċju fuq l-altar, offerta li riedet tfisser, ikla ma’ Alla għax ħbieb. Il-Profeta jwissi li Alla jista’ jerġa’ jibdielu u jagħżel li ma joqgħodx għall-mejda, għax fir-realtà il-poplu qalbu kienet ‘il bogħod mill-qalb ta’ Alla… kif se joqgħod fuq il-mejda miegħu, mela!
Ejjew ma nagħmlux minn dan iż-żmien tar-Randan karikatura, karnival imtawwal li jbiddel il-karrijiet mal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira, ejjew nilqgħu is-sejħa urġenti li Alla qiegħed jagħmlilna biex nieħdu bis-serjetà l-ħbiberija tagħna miegħu, magħna nfusna u mal-oħrajn. Il-ħbiberija tissarraf u tfisser relazzjoni armonjuża mibnija fuq l-imħabba u l-ġustizzja. Dak hu li jfissru l-obbligi tal-karità, tat-talb u tas-sawm veru, li mill-ġdid nerġgħu nirrevedu u norganizzaw ħajjitna fi stil u f’attitudni iktar ġusta, armonjuża, integrate mibnija fuq dak li hu essenzjali u prijoritarju. F’kelma waħda li nagħmel ordni f’ħajti.
Din is-Sena Ġubilari tal-Ħniena hija okkażjoni adatta biex nagħmlu ħilitna ħalli ngħixu dan l-ideal. Il-ħniena mhijiex imqanqla mill-emozzjoni ta’ meta nitħassar lil xi ħadd. Il-ħniena hija mqanqla mill-ġustizzja, jiġifieri, mis-sewwa, u tfittex li tagħmel dak li hu sewwa biex iġġib lura kollox f’postu, kif għandu jkun.
Go Ahead, Leave A Comment