Ġeneralment quddiem il-parabbola tal-għani u Lazzru l-fqir nieqfu fuq it-tagħlima dwar il-qsim ġust tal-ġid. Fil-verità iżda l-parabbola tmur iktar lil hemm. L-għani wara mewtu jitlob lil Abraham biex jibgħat lil Lazzru l-fqir li kien jinsab fi ħdanu, għand il-familjari biex dawn jikkonvertu kif jaraw li qam raġel mill-mewt! Abraham, jgħidlu li ġaladarba ma kkonvertewx bil-kelma ordinarja tal-profeti mhux se jibdlu ħajjithom għax xi ħadd iqum mill-mewt! Kemm hi vera din! Ġesù qam mill-mewt u ħafna drabi fid-dinja nġib ruħna b’qalb iebsa u magħluqa għal Alla ħutna.
Il-kelma ta’ Alla llum turina li l-bidla tal-qalb u tal-atteġġjamenti tagħna jiddependi mir-rieda li ninbidlu. Naturalment dejjem bil-grazzja ta’ Alla u bl-għajnuna tiegħu. Imma jekk ma rridux din il-grazzja, qalbna tibqa iebsa, ma tinbidilx. Għalhekk fit-talba tal-bidu tal-quddiesa ta’ llum nitolbu lil Alla jagħtina qalb ħerqana fl-għemil it-tajjeb.
Nistaqsi lili nnifsi: kemm jiena ħerqan li ninbidel, li nikber fit-tajjeb, fis-sewwa? Jew jiena dejjem nipposterga, dejjem inħalli għall-għada li qatt ma jasal, biex nibdel ħajti. Fit-tieni ittra lir-Rumani San Pawl iwissina li “issa hu jum is-salvazzjoni”. Nitolbu lil Alla jsaħħilna r-rieda tagħna biex mill-issa ta’ ħajjitna niddeċiedu li rridu nħalluh jibdlilna qalbna fil-konfront tiegħu u tal-proxxmu.
Go Ahead, Leave A Comment