“Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel minn hemm!” (Iż 63:19). Dan il-kliem ta’ Iżaija juri x-xewqa mħeġġa tal-profeta għall-miġja ta’ Alla fostna biex iqiegħed kollox f’postu għax hu “iħabrek għal min jittama fih” (Iż 64:3). L-Avvent huwa ż-żmien li fih aħna neżaminaw lilna nfusna fuq ix-xewqa ta’ Alla. Nistaqsu fil-fond ta’ qalbna: nixtequh lil Alla?
Forsi meta nwieġbu għaliha din il-mistoqsija tikxef li x-xewqa mħeġġa għal Alla ntfiet. Fis-Salm weġibna: “Reġġgħana għal li konna, Alla tal-eżerċti; itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek u nkunu salvi”. Jekk ix-xewqa tagħna għal Alla ntfiet, ma nibċgħux nitobuh lil Alla jerġa’ jnissel fina din ix-xewqa, li kif jgħallimna San Pawl fit-tieni qari tal-quddiesa ta’ llum “nistennew id-dehra ta’ Sidna Ġesu’ Kristu” għax aħna “msejħin biex nidħlu fix-xirka ta’ Sidna Ġesu’ Kristu” (1Kor 1:8-9). “Alla jżomm kelmtu ” (1Kor 1:9) u għalhekk ukoll jekk jiddawwar ma’ jiġi, ma għandniex għax inħallu id-dawrien tiegħu imewwet fina x-xewqa għalih. Minħabba f’hekk Ġesu’ jwissin fl-evanġelju biex nishru (Mt 13:35) ħalli meta jasal ma jeħodniex għal għarrieda imma jsibna lesti biex nilqgħuh bil-ferħ.
Ix-xewqa ta’ Iżaija tfakkarna fix-xewqa ta’ Marija fit-Tħabbira li litteralment tgħid: “Oh mhux li kien dak li qed tħabbarli jseħħ issa, minnufih” (Lq 1: ). Marija żammet ħajja fiha din ix-xewqa għal Alla, xewqa li ħallietha tikkunsmaha għalih, għax ma hemmx xewqa mħeġġa mingħajr il-konsumazzjoni li hija t-telqa f’idejn il-persuna li tħobb. Nitolbuha lil Marija żżomm ħajja fina x-xewqa għal Alla f’dan l-Avvent.
Go Ahead, Leave A Comment