Hija drawwa monastika u konventwali li waqt l-ikel fir-Refettorju jinqraw il-Kotba Mqaddsa u testi spiritwali oħra. Matul ir-Randan, għall-ħin tal-ikel ta’ nofsinhar aħna r-reliġjużi inkomplu naqraw il-Kotba Mqaddsa bħal matul is-sena waqt li għall-ikel ta’ filgħaxija se naqraw fir-Refettorju l-Imitazzjoni ta’ Kristu, kitba tas-seklu 15, aktarx miktub fl-1418, minn ċertu wieħed Tumas minn Kempis u huwa wieħed mill-kotba tad-devotio moderna. Dan il-klassiku tal-ħajja spiritwali huwa l-iktar ktieb spiritwali popolari wara l-Iskrittura. Sas-seklu 17 kien hemm diġa’ madwar 750 edizzjoni tiegħu u hu maqlub prattikament fl-ilsna kollha. Huwa ta’ siwi għall-ħajja spiritwali għax jgħallimna nieħdu bis-serjeta’ l-mixja tagħna wara Kristu billi nimitawh mhux biss minn barra, imma nilbsu l-mentalita’ u s-sentimenti tieghu. Dan hu l-għan tal-ħajja nisranija tagħna, l-imitazzjoni ta’ Kristu Sidna.
Lilkom ilkoll li ssegwu l-ħajja tagħna u taqsmu magħna l-valuri tal-Karmelu permezz tal-paġna web u l-fb qegħdin noffrulkom il-possibilità li tagħmlu magħna din il-mixja ta’ qari li takkumpanjakom fir-Randan. Is-sena li għaddiet qsamna magħkom Is-Sellum tal-Perfezzjoni ta’ Ġwanni Klimaku li ġeneralment jinqara fir-Randan. Ħafna kienu dawk li apprezzaw dan il-qari u sabu din il-prattika ta’ qari ta’ siltiet qosra kuljum għamlitilhom il-ġid.
Go Ahead, Leave A Comment