Għeżież ħbieb,
Wasal fi tmiemu l-istaġun tas-Sajf u wara l-waqfa ta’ Awissu l-Karmnu tal-Imdina qiegħed iniedi l-programm għal din is-sena li bħas-soltu jinkludi attivitajiet Liturġiċi, spiritwali u formattivi. Mehmuż ma’ din l-ittre għandkom issibu d-dati għal-laqgħat tal-Lectio Divina, il-Laqgħat tat-Titus Brandsma Circle, u l-Laqgħat tat-Terz Ordni Karmelitan. Għandkom issibu wkoll il-Programm tal-Korsijietoffruti mill-Istitut Karmelitan li għandu s-sede tiegħu fil-Karmnu tal-Imdina. Bħal dejjem minn żmien għal żmien naġġornawkom dwar l-attivitajiet li jiġu organizzati minna.
Minbarra attivitajiet organizzati mill-komunità bl-għan li dak li jkun jaqsam magħna l-ħajja Karmelitana, u speċjalment il-ħajja tat-talb, il-Karmnu tal-Imdina jilqa’ wkoll diversi attivitajiet oħra organizzati minn għaqdiet u entitajiet oħra kemm reliġjużi kif ukoll sekulari. Tajjeb insemmu hawnhekk l-adorazzjoni tax-xahar organizzata mis-Superjur Joe Fenech, u li tiġbded bosta nies, kif ukoll pellegrinaġġi individwali u fi gruppi għall-qabar u ċ-ċella tal-Qaddej ta’ Alla P. Avertan Fenech.
Matul din is-sena wkoll li fiha l-Knisja fakkret l-ewwel 100 sena mid-Dehriet tal-Madonna ġewwa Fatima, kellna wkoll bosta pellegrinaġġi kull 13 tax-xahar minn Mejju sa’ Settembru quddiem ix-xbieha tal-Madonna ta’ Fatima li hija kopja oriġinali maħduma fl-injam fuq dik li hemm fil-kappella tad-dehriet u miġjuba mis-Santwarju tagħha ġewwa Fatima.
Ma’ dan inżidu wkoll bosta gruppi ta’ talb u rtiri li lqajnihom fostna matul din is-sena, kif ukoll l-attivitajiet kulturali bħal kunċerti u wirja, kif ukoll il-gruppi turistiċi li jżuru l-Kunvent u li aħna nilqgħuhom fostna bl-iskop ta’ evanġelizzazzjoni permezz tal-għana kulturali u storika li jgawdi dan il-post. Ma jonqsux ukoll l-ospitalità, d-direzzjoni spiritwali u l-ħajja sagramentali, l-ispirtu ta’ komunjoni, l-opri tal-karità u l-ħniena marbutin mal-ħajja normali tal-kunvent, u bosta xogħol u ħidma oħra moħbija u diskreta mingħajr ħafna daqq ta’ trombi, imma li tinsab hemm avolja ma tidhirx jew aħjar mhux kulħadd jinduna biha.
Nieħdu l-okkażjoni biex inroddu ħajr lil bosta li huma parti integrali mill-ħajja tal-Karmnu fl-Imdina bl-għajnuna u x-xogħol tagħhom fil-knisja, bibljoteka, l-arkivji, manutenzjoni, żamma tas-sit elettroniku u l-bqija.
Nistednukom tibqgħu f’kuntatt magħna permezz ta’ din l-ittre wkoll iżżuru l-paġna facebook u s-sit elettroniku tal-kunvent li jżommkom aġġornati dwar dak li joffri l-Karmnu tal-Imdina. B’dan il-mod nippruvaw ngħixu flimkien magħkom is-sejħa Karmelitana li hija don moħbi li Alla ħallielna f’idejna u li jibni l-ħajja interjuri tagħna u ta’ bosta li jisimgħu u jilqgħu l-istedina tiegħu: “indaħħalkom f’art il-Karmelu biex tieklu mill-frott li taf tagħti” (cfr. Ġer 2:7).
Tislijiet u Barkiet
Il-Karmelitani fl-Imdina
Go Ahead, Leave A Comment