F’dan it-tieni Ħadd tar-Randan il-Kelma ta’ Alla tiffukana fuq il-persuna ta’ Ġesù Kristu bħala l-qalba tal-fidi tagħna. Ġesù huwa u għandu jkun il-fus li fuqu ddur il-fidi tagħna, is-sies li fuqu nibnu l-ħajja tagħna. Huwa il-bidu u t-tmiem ta’ dak kollu li nemmnu fih. Lil dawk li huma tiegħu Ġesù jħabbrilhom li “ma jmutux qabel ma jaraw il-glorja ta’ Alla”.

TransfigurationL-Ittra lil Lhud tgħidilna li Kristu huwa d-dija tal-glorja ta’ Alla (Lhd 1:3) u San Pawl ukoll jgħidilna li Alla għamel jiddi fi qlubna d-dawl tiegħu biex jagħtina l-għarfien tal-glorja ta’ Alla li tiddi f’wiċċ Kristu (2Kor 4:6). Aħna msejħin biex naraw din il-glorja ta’ Alla billi ninbidlu fl-istess xbieha ta’ Alla li Kristu u nirriflettu din il-glorja tiegħu (2Kor 3:18). X’inhi din il-glorja?

Il-kelma Ebrajka għal “glorja” hija kabod u nsibuha 376 darba fir-Rabta l-Qadima u tfisser “xi ħaġa tqila”, jiġifieri xi “ħaġa mimlija daqs bajda”. Meta tirreferi għat- “toqol ta’ Alla” tkun trid turi l-milja ta’ Alla, is-sħuħija tiegħu, l-onnipotenza għax ma jonqsu xejn. Fir-Rabta Qadima l-glorja ta’ Alla kienet tidher fil-kolonna tan-nar fid-deżert jew fil-kolonna tas-sħab u allura il-glorja ta’ Alla tirreferi għal din is-sħaba “tqila” jew il-kolonna “mimlija” b’Alla, bil-Preżenza tiegħu. Għalina dixxipli ta’ Ġesù, Kristu huwa din il-glorja ta’ Alla. Fih hemm il-milja tad-divinità li ġiet murija lilna, rivelata lilna sa minn qabel ma jaraha kulħadd fl-aħħar taż-żmien meta Bin il-bniedem jiġi fil-glorja ta’ Missieru (Mt 16:27). Alla din il-Preżenza tiegħu fostna kixifha quddiemna minn issa sabiex aħna nkunu nistgħu narawha (Lq 9:32; Ġw 1:14) billi nieħdu sehem fiha (Mt 19:28). San Ġwann li ma jagħtiniex il-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni bħal San Mark, Mattew u Luqa, il-ħin kollu jitkellem fuq din il-glorja ta’ Kristu li kienet fih sa’ minn qabel il-ħolqien tad-dinja (Ġw 17:5). Din il-glorja li hi l-għarfien ta’ Alla hi moħbija minn dawk li “mimlijin”, “tqal” bl-għerf ta’ din id-dinja imma hija mikxufa quddiem iċ-ċkejknin, dawk ta’ qalbhom miftuħa beraħ għal Kristu.Għalhekk Ġesù jwissi lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni biex ma jgħidu lil ħadd b’dak li raw u semgħu qabel il-qawmien mill-Imwiet, jiġifieri qabel ma’ jkun sari l-ġudizzju bejn dawk li jemmnu u jilqgħu lil Kristu u dawk li lil Kristu ibarruh għal kollox bil-qtil tiegħu fuq is-salib. Dawk li jilqgħu lil Kristu u li jinstabu li huma tiegħu, dawk li kif jgħidilna l-Apokalissi għaddew mit-tiġrib il-kbir u bajdu lbieshom fid-demm tal-Ħaruf (Apok 5;12), dawk se jieħdu sehem minn din il-glorja, għax huma wkoll jimtlew bil-Preżenza ta’ Alla li tiddi f’Wiċċ Kristu. Għalhekk Pietru jitlob lil Ġesù biex itellgħu tliet tined, għax hu jrid iżomm din il-Preżenza. Imma qabel kien jonqos li jgħaddi mit-tiġrib tal-passjoni u hu wkoll ibajjad ilbiesu fid-demm tal-Ħaruf permezz tal-martirju.

Martri

The 21 martyrs of Libya

It-tined, jew l-għerejjex, kif ukoll is-sitt ijiem ifakkruna fil-festa tal-Għerejjex li kienet tiċċelebra fil-kalendarju Lhudi l-erbgħin sena fid-deżert u l-għoti tal-Liġi, fejn il-Lhud kienu jgħixu fit-tined u l-Glorja ta’ Alla kienet tinżel ukoll fit-Tinda tal-Patt. F’din il-festa għal sitt’ijiem sħaħ jonkella jekk mhux possibli, f’għeluq dawn is-sitt’ijiem, il-Lhud kienu jgħammru temporanjament fl-għerejjex biex ifakkru lil missirijiethom fid-deżert. Issa fuq it-Tabor, Kristu huwa din it-Tinda tal-Preżenza ta’ Alla fostna, hu, kif jgħidilna San Ġwann waqqaf it-tinda, l-għamara tiegħu fostna. Hu il-milja tal-Liġi u l-Profeti għalhekk l-appostli meta jerfgħu rashom jaraw lilu waħdu.

F’din il-mixja tar-Randan, il-Kelma ta’ Alla tistedinna nikkontemplaw lil Kristu, niftakru li hu il-qalba tal-fidi tagħna u li hu din il-Glorja ta’ Alla li niżlet fostna bniedem bħalna biex aħna ta’ bnedmin li aħna nieħdu sehem fil-ħajja ta’ Alla.

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook