Mid-19 ta’ April sal-24 ta’ Ġunju 2015, il-Papa Franġisku, ta’ il-permess li ssir l-Ostensjoni tal-Kefen, li bi tradizzjoni kostanti huwa miżmum bħala l-liżar tad-difna ta’ Kristu. Matul il-medda tas-snin saru erbgħa u ħamsin Ostensjoni jew Wirja uffiċċjali. L-ewwel waħda fl-1578 u l-aħħar waħda fl-2013. Ta’ din is-sena tiġi l-ħamsa u ħamsin waħda.
Wirja storika hija dik tal-1898. Sa dak iż-żmien, il-Kefen kien proprjetà tal-familja rjali tas-Savoia. Fl-1898, fl-okkażjoni taż-żwieġ bejn il-Prinċep Vittorio Emanuele III u l-Prinċipessa ta’ Montenegro Elene Pietrovich-Niegos. Dik tal-1898, kienet ukoll ostensjoni storika għax iċċelebrat għeluq il-50 sena mill-hekk imsejjaħ Statut Albertin imniedi mir-Re Carlo Alberto li kien bħal speċi ta’ Kostituzzjoni tas-Saltna li ġabet riforma fil-mod tat-treġija politika. L-ostensjoni kienet ukoll tiċċelebra għeluq l-400 sena tal-konsagrazzjoni tal-Katidral ta’ Turin u anniversarji oħra reliġjużi.
Iżda fuq kollox, il-Wirja tal-1898 baqgħet imnaqqxa fl-istorja mqallba tal-Kefen minħabba li għall-ewwel darba ttieħed ritratt tiegħu minn fotografu dilettant Secondo Pia. Dan il-fatt fetaħ kapitlu ġdid fil-ġrajja tal-Liżar ta’ Turin. Minn oġġett ta’ devozzjoni privata, magħluq għall-familja rjali, wieħed mill-ħafna suppost relikwi marbutin mal-Passjoni, li f’xi okkażjonijiet rari kien jintwera lill-pubbliku, il-Liżar ta’ Turin sar oġġett ta’ studju u stagħġib fid-dinja tax-xjenza, mediċina, arti, teoloġija u arkeoloġija minħabba l-fatt li r-riżultat tar-ritratt ta’ Secondo Pia ħareġ differenti mis-soltu fis-sens li meta żviluppat kien negattiva u n-negattiva tar-ritratt ħarġet pożittiva, b’tali mod li għall-ewwel darba, stajna naraw il-fiżjonomija tax-xbieha tal-Kefen daqs li kieku l-liżar bix-xbieha fuqu kien ritratt minnu nnifsu.
Li jinteressana f’din il-kitba hija tifkira tal-Wiri tal-Kefen tal-1898 li tinsab fil-Karmnu tal-Mdina. Jidher li għal dik l-okkażjoni xi patri jew iktar marru Turin, u ġab jew ġabu magħhom b’tifkira, maktur tas-satin li jfakkar din l-okkażjoni. L-importanza ta’ dan il-maktur tinsab fil-fatt li fiha stampat il-mod ta’ kif kienu jaraw ix-xbieha impressa fuq il-Kefen. Ix-xbieha tal-Kefen f’dan il-maktur hija mdawra fi gwarniċ elaborat bis-simboli tal-passjoni u jġib dan il-kliem bil-Latin
Imago Sacratiss Sindonis D.N.I. Christi
Quam Taurinenses in Sacrario Regis Religiose Veneratur AB Archetypo Derivata.
Tuam Sindonem Veneramur Domine Ricordo della Solemne Ostensione fatta in Torino nel Maggio 1898.
Con Approvazione dell´Autoritá Ecclesiastica.
Li jfisser
Kopja mix-xbieha oriġinali tal-Imqaddes Kefen ta’ Sidna Ġesù Kristu Reliġjożament meqjuma fis-Santwarju Rjali
Il-Kefen Tiegħek Inqimu Mulej
Tifkira tal-Wirja Solenni li saret f’Turin f’Mejju tal-1898
Bl-approvazzjoni tal-Knisja.
Imkatar ta’ dan it-tip, b’qjies ta’ 70ċmx40ċm, illum rari, kienu jinkisbu mill-Katidral waqt l-ostensjoni biex jinżammu mill-pellegrin b’devozzjoni lura f’daru.
Iktar qribna, dan l-aħħar ukoll, kopja tal-Liżar ta’ Turin titqiegħed għall-qima fil-Knisja tal-Karmnu nhar il-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid sa minn wara ċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-Mewt tal-Mulej. Wara l-liturġija tat-tlieta, issir it-tifkira tad-difna ta’ Kristu billi jitqiegħed il-liżar fuq l-altar, jiżżejjen bil-fjuri u jindilek bil-fwejjaħ tal-mirra u nard safi mbierek nhar l-Epifanija, u jitqiegħed fis-Sepulkru għall-qima tal-poplu ta’ Alla.
Fil-Karmnu tal-Mdina nsibu wkoll xi medalji jew domni tal-Wiċċ Imqaddes ta’ Kristu li juru x-xbieha impressa fuq il-Liżar ta’ Turin u li juru d-devozzjoni partikulari lejn il-Vera Icona ta’ Kristu.
“Jien Wiċċek infittex Mulej, taħbix Wiċċek minni”
One Comment to "Devozzjoni lejn il-Kefen ta’ Kristu fil-Karmnu tal-Mdina"
dan ir-randan smajt lil wieħed Professur li jagħllem l-Universita ta’ Malta Profs. Paul J Pace jaghti zewg konferenzi sbieh fuq il-Lizar ta’ Kristu, kienu vera interessanti u minn hemm bdejt iktar napprezza il-Lizar ta’ Kristu.
Go Ahead, Leave A Comment