Feb 25th

c3ebf8cbc569d59336149207e3e847baIl-Kelma ta’ Alla llum terġa’ taqbad it-tema tal-konverżjoni, din id-darba bil-figura ta’ Ġona li fl-ewwel qari iħabbar il-konverżjoni bit-tehdid tal-qerda tal-belt ta’ Niniveh jekk din ma tibdilx ħajjitha, d-drawwiet tagħha. Ġona joħroġ fil-pjazez ixandar il-konverżjoni u għal din il-kelma tiegħu il-belt, mis-sultan sal-iżgħar tifel u tifla, ħaduh bis-serjetà u ċċaqalqu minn fejn kienu, biddlu ħajjithom… ikkonvertew, dawwru qalbhom lejn Alla. Ġesù fl-evanġelju ta’ llum quddiem il-qalb iebsa li ma tilqgħux iqiegħed in-nies ta’ Ninive bħala eżempju ta’ konverżjoni u jżid ukoll il-figura tas-Sultana tan-Nofsinhar li hija l-mudell ta’ min ifittex l-Għerf. Hi resqet għand l-Għaref Salamun, li huwa tip ta’ Kristu l-Għerf ta’ Alla. L-għerf veru huwa li nersaq lejn Alla, indur lejh u nħallih jittrasformani mill-qiegħ. Il-koverżjoni iżda ma tfissirx biss li min hu “ħażin” biex ngħidu hekk isir “tajjeb”, jew biex min ma jemminx jibda’ jemmen. Il-konverżjoni hija stil ta’ ħajja, atteġġjament. Il-ġrajja ta’ Ġona turina li anke l-profeta nnifsu, għalkemm messaġġier ta’ Alla, kellu “jibdel” il-mentalità tiegħu fil-mentalità ta’ Alla. Li nibdel ħajti, li nneħħi minn ġo fija kull ħażen u kull qerq huwa biss l-ewwel pass fil-mixja ta’ konverżjoni. Wara dik ikun imiss li jiena ta’ kuljum nagħmel ħilti kollha biex nibda’ nara ħajti u r-realtà ta’ madwari bl-għajnejn ta’ Alla.

Kemm qed nilqa’ din is-sejħa għall-konverżjoni li Alla jagħmilli kuljum permezz ta’ diversi persuni u ċirkustanzi fil-ħajja tiegħi li permezz tagħhom Alla jurini lilu nnifsu, kif jaħsibha u kif jara r-realtà tagħna? Kemm jiena lest li kuljum nonfoq enerġija f’dan l-isforz ta’ bdil ta’ mentalità biex infittex l-għerf veru li jagħmilni nixbah lil Alla?

“Qum u mur”

Fl-ewwel qari tal-lum, Alla jwassal il-Kelma tiegħu lil Ġona u jordnalu biex iqum, imur Ninwé, u jxandar hemm dak li kien se jgħidlu Hu.

Dan l-ordni li jagħti Alla lill-bniedem biex “iqum” insibuh fl-Iskrittura xejn inqas minn sitta u tmenin darba. Nies importanti fit-Testment l-Antik bħal Abraham, Ġakobb, Mosé, Ġożwé, ir-re David, il-profeta Elija, l-għarusa tal-Għanja tal-Għanjiet, u l-istess Ġona kollha rċevew dan il-kmand għalll-qawmien. Fl-Isktrittura da nil-qawmien jieħu diversi sensi, l-ewwel u qabel kollox is-sens ta’ fiduċja għamja f’dak li Alla jixtieq li l-bniedem iwettaq. Lil Abraham p.eż. Alla kemm-il darba jistiednu “jqum u jitlaq” (Ġen 13:17), jew ukoll “iqum u jieħu miegħu lit-tifel għas-sagrifiċċju” (Ġen 21:18). Fil-ktieb ta’ Ġona, li minnu hu meħud l-ewwel qari tal-lum, Alla jistieden lil Ġona “jqum” (Ġona 3:1) mhux darba imma darbtejn! L-ewwel darba Ġona mhux talli ma jmurx fejn iridu Alla, talli jaħrab fid-direzzjoni l-opposta fuq ġifen lejn Tarsis, sakemm fuq il-baħar jinqabad f’tempesta u jitwaddab il-baħar. Ġona tiġih indiema minn dak li għamel kontra r-rieda ta’ Alla għaliex naqsitu l-fiduċja u t-tama fih. Kemm hu faċli li lil Alla ma nafdawhx! Li ma nkunux lesti li nagħmlu tagħna l-kliem sempliċi imma profond ta’ Marija: “Hawn jien, il-qaddejja tal-Mulej”?

Fl-Evanġelju tal-lum, fil-fatt, Ġesù jerġa’ jfakkar lin-nies dwar l-indiema li wrew in-nies ta’ Ninwé minħabba l-predikazzjoni ta’ Ġona. Ġona kien idur “il-belt il-kbira” ta’ Ninwé jħeġġeġ għall-indiema u l-konverżjoni tal-qalb lejn Alla l-veru. Ġona seta’ jħalli dan l-effett fuq in-nies għaliex kien jitkellem mill-esperjenza tiegħu u r-relazzjoni personali li hu kellu ma’ Alla. Li nkunu nistgħu “nqumu” minn fejn aħna biex nagħmlu r-rieda ta’ Alla tiġi biss b’relazzjoni ħajja ma’ Alla li jiena nipprova nieħu ħsieb mill-aħjar li nista’, u dan l-aktar billi dejjem infakkar lili nnifsi kemm għandi bżonn ta’ Alla. Għaliex x’inhija l-vera ndiema ħlief li nagħraf li ħajti mingħajr Ġesù ta’ Nazaret ma tagħmilx sens? Jista’ fil-fatt ikollna relazzjoni aħjar ma’ Ġesù dejjem jekk nagħmlu kif jgħid San Pawl lill-Filippin, “wasalna fejn wasalna, ħa nimxu pass wieħed” għaliex “aħna pajżani tas-sema, minn hemm bil-ħerqa nistennew jiġi s-Salvatur tagħna” (3:16.20).

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook