Waħda mid-devozzjonijiet marjani mxerrda sew f’pajjiżna hija dik lejn il-Madonna tal-Karmnu fil-Jum tal-Erbgħa, magħrufa bħala d-devozzjoni tal-Erbgħat tal-Karmnu. Magħha wkoll marbuta t-tradizzjoni ta’ missirijietna u ommijietna tas-sawm u l-astinenza tal-Karmnu flimkien mal-ilbies iswed jew skur u s-sehem fil-prietki jew katekeżi tal-Udjenzi fis-sebgħa ġimgħat tal-Għid li jfakkru ġeneralment il-ferħat ta’ Marija. Din id-devozzjoni tal-Erbgħat tal-Karmnu bdiet waqt il-Ġublew tal-1500 meta f’pellegrinaġġ lejn il-qabar ta’ San Pietru fil-Vatikan min-Napli, l-Karmelitani tellgħu magħhom l-ikona tal-Madonna s-Samra miġjuba minn fuq l-Għolja tal-Karmelu u li tqegħdet fil-Bażilika tal-Vatikan għall-okkażjoni. Lady of Mount CarmelImma tant ġibdet id-devozzjoni tan-nies li l-Papa ordna li tinżel lura lejn Napli mnejn ġiet għax kienet qed ittellef fil-qima lejn il-qabar ta’ Pietru. Matul il-vjaġġ lura jingħad li saru għadd ta’ għeġubijiet u ntlaqgħet lura fis-Santwarju Karmelitan f’Napli b’entużjazmu liema bħalu. Minħabba li dakinhar ħabat l-Erbgħa, il-jum baqa’ marbut ma’ dan l-avveniment u d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu. Għaldaqstant nistgħu nisiltu żewġ aspetti minn din id-devozzjoni: 1) l-interċessjoni u l-ħarsien ta’ Marija fuq il-Our Lady of Mount Carmelpoplu ta’ Alla li jdur lejha b’qima u mħabba speċjali, kif ukoll 2) l-importanza tal-katekeżi u x-xandir tal-Kelma. Dawn huma żewġ elementi marbutin mal-ħajja Marjana Karmelitana li tinbena fuq il-familjarità ma’ Marija u l-imitazzjoni ta’ dik li l-Evanġelju jgħidilna li “kienet tgħożż f’qalbha dan kollu (l-misteri tal-ħajja ta’ Ġesù) u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha”.
Fil-Bażilika Santwarju f’Napli l-Erbgħat tal-Madonna tal-Karmnu jiġu ċċelebrati b’solennità ikbar bħala tħejjija għat-Tifkira Solenni tas-16 ta’ Lulju. F’Malta l-Erbgħat jiġu ċċelebrati b’solennità fis-sebgħa ġimgħat tal-Għid. Matul is-sena kollha iżda, l-jum ta’ l-Erbgħa flimkien mas-Sibt huwa għall-Karmelitani jum ta’ tifkira devota tal-Madonna. Fil-Knejjes Karmelitani jitqaddes il-quddies votiv tal-Madonna u dakinhar ukoll bosta jżommu d-drawwa sabiħa taż-żjara lill-Verġni Mbierka fil-knejjes Karmelitani.
We use cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue to use this site we will assume that you are happy with it.OkPrivacy policy
Go Ahead, Leave A Comment