Il-Ktieb tal-Għerf jiddistingwi l-ħajja tal-għorrief minn dawk tal-boloh:
Ma jitkellimx mill-għerf bħala xi ħaġa tal-moħħ, imma bħala kwalità tal-ħajja sħiħa, ħajja mgħejxa bil-għaqal u l-qdusija. Bl-istess mod, dawk li m’għandhomx għerf huma magħluqa fl-injoranza, mhux tal-moħħ, imma tar-rieda ħażina tagħhom. L-injurant fil-Bibbja mhuwiex dak li ma jafx jaqra jew jikteb, imma dak li jeħodha kontra l-ġusti u t-tajbin, li jikkawżalhom tbatija, li jġarrab lit-tajbin bit-tagħjir u l-moħqrija biex jara u jkejjel sa fejn jasal sabrhom (v. 19), jgħidilna l-Ktieb tal-Għerf.
Għall-kuntrarju, l-għorrief m’humiex dawk li jafu ħafna, imma dawk li huma “ġusti”, qaddisin, li jgħixu ħajja tajba, b’ħarsithom mhux lejn din il-ħajja li tgħaddi imma lejn il-ħajja ta’ dejjem. Huma jissejħu “wlied il-Mulej” għaliex ma jinteressahomx wisq mill-glorja li jieħdu fuq din l-art, imma aktar jixtiequ l-glorja tal-ħajja li ġejja.
L-injurant huwa dak li jingħalaq fih innifsu,
l-għaref huwa kompletament miftuħ għal dak li Alla jrid.
L-injurant jgħid “ma rridx”,
l-għaref jgħid “ma nafx”.
L-injurant jaħbi minn Alla l-għemil li huwa mistkerrah,
l-għaref jistqarr il-limiti tiegħu quddiem Alla bla ħabi ta’ xejn għax jaf li jilqgħu kif inhu.
L-injurant iwaqqaf lil dak li jipprova jibdillu l-fehmiet tiegħu,
l-għaref huwa dak li jadatta ruħu skont il-ħtiġijiet ta’ Alla.
L-injurant jibża’ minn kull tip ta’ prova tal-ħajja,
l-għaref huwa dak li jħalli l-esperjenzi tal-ħajja jagħġnuh u jsawruh.
L-injurant iħobb biss lilu nnifsu,
L-għaref iħobb lil Alla fuq kollox u fuq kulħadd.
L-injuranza hija bluha,
L-għerf huwa għaqal.
Go Ahead, Leave A Comment