Ilkoll nafu xi tkun qalb iebsa. Forsi xi darba qalbna bbieset quddiem sitwazzjoni jew persuni, jonkella qalb oħrajn ibbieset fil-konfront tagħna. Qalb iebsa tieqaf tħoss.
Hi sintomu ta’ għeluq fina nfusna u wkoll mod ta’ kif niddefendu lilna nfusna biex ma nweġġgħux. llum il-Kelma ta’ Alla tkellimna fuq il-qalb iebsa tal-bniedem fil-konfront ta’ Alla. Quddiem din il-qalb iebsa Alla jilmenta u jistaqsi għaliex, ġaladarba hu ma jrid xejn ħlief il-ġid tagħna; xejn ħlief li jagħtina lilu nnifsu.
Fl-ewwel qari Alla jqiegħed quddiemna din il-verità li turi li hu jagħti lilu nnifsu lilna u quddiem il-proposta tiegħu qalbna tibbies. Anke Ġesù fl-evanġelju, jistgħaġeb u bi kliem imqanqal juri kemm ir-raġunament u l-atteġġjament tagħna tal-ebusija tal-qalb ma jagħmilx sens: huwa keċċa x-xjaten, u tant il-qalb ta’ dawk ta’ madwaru hija magħluqa għalih, li anke dawn il-ġesti ta’ ħniena, mħabba u solidarjetà jinterpretawhom ħażin: ikeċċi x-xjaten għax imxajtan bħalhom, mhux bil-qawwa ta’ Alla. Ġesù jġib eżempju: jekk dar maqsuma fiha nnifisha ma treġix fuq saqajha. Hekk qalbna! Jekk hi maqsuma bit-tensjoni tal-ebusija fil-konfront ta’ Alla mhux se trieġi.
Min-naħa l-oħra l-istedina tas-Salm: jekk illum tisimgħu leħnu twebbsux qalbkom! Il-leħen ta’ Alla jistedinna bil-ġentilezza lejh, hekk li għandu l-qawwa jdewweb l-ebusija tagħna. Qatt kont irrabjat għal xi ħadd li tħobb, imbagħad tisma leħnu u tarah quddiemek u qalbek tinħall mill-ebusija? Hekk hu dak li għandu jiġrilna aħna meta qalbna għal xi raġuni jew oħra qalbna tibbies għal Alla minħabba ħaġa jew oħra, għax fl-aħħar mill-aħħar aħna nħobbuh lil Alla u forsi xi drabi qalbna tibbies biex niddefendu lilna nfusna minnu, forsi għax inħossuh jitlob iżżejjed minna! Ejjew imma nħarsu lejh, nisimgħu leħnu, inħallu qalbna ddub quddiemu għax nafu li dak li hu jitlob minna huwa għall-ġid u l-qdusija tagħna.
Go Ahead, Leave A Comment