Fl-evanġelju ta’ llum Ġesu’ jassigurana li hu għadu jaħdem bħalma l-Missier għadu jaħdem. Huwa jitkellem fuqu nnifsu f’termini ta’ dipendenza mill-Missier. Mingħajr il-Missier ma jista’ jagħmel xejn. Jekk napplikaw dan għall-ħajja spiritwali tagħna, għall-mixja tagħna tal-fidi, ngħidu u ngħarfu li mingħajr il-grazzja ta’ Alla ma nistgħux nikbru fil-qdusija u fil-ħajja spiritwali. Din il-grazzja pero’ trid issib art tajba biex tinbet u tikber fina. Ġesu’ jitkellem fuq li Alla qiegħed jaħdem u hu jaħdem bħalu, u dawk li kienu kontrih ifittxu iktar li joqtluh.
Kemm huwa minnu dan li aktar ma nfittxu li ningħaqdu ma’ Alla iktar se nsibu tfixkil. Iktar se nsibu min ifittex li joqtol fina l-ħajja ta’ Ġesu’. Il-profeta Iżaija jassigurana wkoll li Alla huwa magħna, hu l-għajnuna tagħna. Minna jiddependi nilqgħux din il-grazzja f’waqtha biex inħallu lil Alla jkabbarna fih.
Go Ahead, Leave A Comment