Fl-ewwel qari tal-quddiesa tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġona, il-Knisja toffrilna tliet spunti għar-riflessjoni tagħna matul dan ir-Randan imqaddes.
Is-silta mill-ewwel tiftaħ billi turina lill-Profeta magħqud kollu kemm mal-Kelma ta’ Alla. Il-Kelma tal-Mulej waslet lil Ġona biex imur Ninwè u hemm ixandar dak li jgħidlu Alla. Fil-fatt, karatteristika importanti tal-profeti hija l-għaqda intima tagħhom ma’ Alla hekk li ma narawhomx jaġixxu minn rajhom, imma dejjem imbuttati mill-kelma ta’ Alla li tgħid, “qum u mur”. Apparti l-Profeta Ġona, dan narawh anke fil-Profeta Elija (ara 1 Slat. 17-19) li hu wkoll ma jiħarrikx jekk mhux għax imqanqal mill-kelma divina. Kemm għandi qalbi siekta u disponibbli biex nisma’ fejn Alla qiegħed jibgħatni?
In-nies ta’ Ninwè, li kien mibgħut għandhom biex iħabbrilhom x’se jsir minnhom jekk ma jemmnux f’Alla, laqgħu l-kelma ta’ Ġona għax raw taħdem fih din il-ħajja divina li tant hu kien miġbud lejha. L-eżempju konkret u l-bixra qaddisa ta’ raġel wieħed kapaċi ċċaqlaq belt sħiħa biex temmen, tniedi sawma, u titlob mingħand Alla l-ħniena għall-maħfra tad-dnubiet. Permezz tal-ħajja tiegħi, qed inkun ta’ għajnuna jew ta’ xkiel għall-ħajja spiritwali ta’ dawk ta’ madwari?
Talli l-poplu ta’ Ninwè jindem u jemmen fil-ħniena t’Alla, Alla jaħfirlu l-ħtijiet kollha tat-triq il-ħażina li kien qabad. Mill-perspettiva tagħna l-bnedmin tista’ tkun diffiċli nifhmu kif jista’ jkun Alla “jerġa’ jibdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom” . Iva, imqar l-iżgħar indiema vera u diżinteressata fil-qalb tal-bniedem kapaċi ddawwar il-qalb ta’ Alla għall-ħniena. Jista’jagħti l-każ ukoll li ma nifhmux għaliex Alla, li hu kollu ħniena, jista’ jikkastiga lill-ħżiena. L-għażla nkunux tajbin jew ħżiena tinsab kollha kemm hi fil-libertà tagħna l-bnedmin. Bħall-Missier fil-parabbola tal-Iben il-Ħali, Alla jirrispetta d-deċiżjonijiet tagħna, anke jekk dan ifisser li nitwarrbu minnu. Fejn qegħdin iwasslu d-deċiżjonijiet li qed nieħu għall-ħajja spiritwali tiegħi?
Go Ahead, Leave A Comment