Jekk Ġesù rrivelalna lil Alla bħala Missier, daqstant ieħor irrivelalna b’mod qawwi li r-relazzjoni tagħna miegħu hija waħda ta ulied. Fit-talba tal-Missierna li tikkaratterizza t-talb nisrani, huwa għallimna nsejħu lil Alla b’Missier, imma wkoll impenjana ngħixu ta’ wliedu tassew. Is-sinjal il-kbir li Alla huwa Missier u aħna wliedu jidher l-aktar fil-maħfra li Alla jagħtina dejjem mingħajr kundizzjoni, kif uriena Ġesù ħafna drabi, fosthom bil-parabbola ta’ llum tas-sid ħanin li jaħfer djun il-qaddej tiegħu. Imma jekk aħna wlied Alla li jaħfrilna, aħna aħwa li mistennija naħfru lil xulxin. Jekk aħna ma aħniex lesti naħfru “minn qalbna” Alla mhuwiex se jaħfer lilna, mhux għax ma jridx imma għax qalbna hija magħluqa għall-maħfra: għax min ma jaħfrix ma jħossx li għandu x’jinħafrilu, iqiegħed lilu nnifsu ’il fuq minn kulħadd. Għaldaqstant it-tifkira tad-dejna tagħna ma’ Alla, tal-bżonn li niġu maħfura, it-tifkira tad-dnub tagħna, it-tifkira kostanti li aħna xi darba jew oħra, ftit jew wisq weġġajna oħrajn, inqasna oħrajn u li l-oħrajn, Alla l-ewwel, għandhom x’jaħfrulna, tiftħilna qalbna u trattabhielna biex aħna naħfru lil min hu ħati għalina. Ir-Randa f’dawn il-jiem qed joffrilna stedina għal din il-mixja ta’ konverżjoni u fejqan fejn tidħol il-maħfra. Smajna matul din il-Ġimgħa wkoll il-parabbola tal-Iben il-Ħali, issa wkoll il-parabbola tas-Sid Ħanin.
Nitolbu bla ma naqtgħu maħfra u ħniena sabiex inkunu nistgħu naħfru bi ħniena kbira lil ħutna.
Go Ahead, Leave A Comment