(Ġen 3:9-15.20; S 97; Ef 1:3-6.11-12; Lq 1:28:38)
Hekk kif il-Knisja tiftaħ is-sena liturġika tagħha fl-Avvent, is-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni hija l-ewwel festa solenni li niċċelebraw. Fiż-żmien li fih il-fidili Nsara jkunu jirrifflettu dwar it-tieni miġja ta’ Sidna Ġesù, il-Knisja ddawrilna l-ħarsa tagħna lejn il-Verġni Marija li, imħarsa minn kull tebgħa tad-dnub, saret l-ewwel waħda fost il-bnedmin li Kristu Binha salvaha u b’hekk il-Knisja twieldet ma’ Marija f’dik l-“iva” li l-Verġni Mbierka, imħawda imma kollha fidi u tama f’Alla, tagħti lill-anġlu.
Mhux b’kumbinazzjoni li hija proprju solennità tal-Verġni Mqaddsa Marija li tiftaħ il-festi kollha l-oħra, l-istess bħalma mhijiex kumbinazzjoni li fil-Knisja Ortodossa huma wkoll is-Solennitajiet tar-Raqda ta’ Marija (15 t’Awwissu) u t-Twelid tagħha (8 ta’ Settembru) li jagħlqu u jiftħu s-sena liturġika tal-Knisja. F’Marija, il-Knisja magħquda tara dak li tistenna u tittama li tkun. Huwa fis-safa ta’ Marija, fl-“iva” li permezz tagħha weldet il-Knisja fil-Qalb ta’ Kristu f’rabta li ma tinħallx, fl-istess ħarsa attenta tagħha u li ma titħarrikx minn fuq Alla, li l-Knisja, kollha kemm hi kkonċentrata fil-persuna ta’ Marija l-Omm Safja, tgħix għad-dell ta’ Alla l-Għoli.
Il-festa tallum turina li (1) iż-żminijiet ta’ Alla mhumiex iż-żminijiet tagħna; jista’ jagħżel li jiġi jżurna meta l-inqas inkunu nistennew; (2) il-grazzja jew il-preżenza ta’ Alla f’ħajjitna ma tonqos qatt; hija l-fidi tagħna fih li tonqosna; (3) hekk kif il-Verġni Marija laqgħet lill-Iben t’Alla fil-ġuf safi tagħha, hekk ukoll aħna msejħin nagħmlu l-parti tagħna biex nissaffew minn ħtijietna u nkunu sinjal għal dawk ta’ madwarna tal-imħabba bla qjies li kellu Alla meta sar bniedem għalina.
Go Ahead, Leave A Comment