Din is-sena qegħdin niċċelebraw l-ewwel ċentenarju mid-dehriet tal-Madonna ġewwa Fatima. Kulħadd jaf bir-relazzjoni li teżisti bejn id-devozzjoni Marjana-Karmelitana u d-dehriet ta’ Fatima. Luċija, li aktar tard saret soru Karmelitana Tereżjana, kemm-il darba stqarret li waqt l-aħħar dehra, fit-13 ta’ Ottubru 1917, wara li rat lill-Madonna kif kienet tarha s-soltu, ratha wkoll flimkien ma’ San Ġużepp u l-Bambin, u mbagħad bħala l-Addolorata u fl-aħħar bħala l-Madonna tal-Karmnu, liebsa ta’ Karmelitana u bil-Bambin u bil-labtu f’idejha. Kull darba li staqsew lil Luċija jekk taħsibx li l-labtu tal-Karmnu huwa parti mill-messaġġ ta’ Fatima dejjem wieġbet li iva. Fil-fatt, ġewwa Fatima l-Madonna kienet talbet il-konsagrazzjoni tad-dinja lill-Qalb bla Tebgħa tagħha u l-labtu tal-Karmnu huwa preċiżament mezz ta’ konsagrazzjoni lill-Madonna.
Fl-ittra li kien kiteb lill-Familja Karmelitani fl-1950 għall-okkażjoni tas-seba’ mitt sena tal-Labtu, il-Venerabbli Piju XII kien ħeġġeġ lill-Ordni biex fil-labtu jara sinjal tal-konsagrazzjoni tiegħu lill-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija. Il-Papa ma kienx qed jivvinta xi ħaġa ġdida. Sa mill-bidu tiegħu l-Ordni kien reħa l-konsagrazzjoni tiegħu lil Alla u d-dedikazzjoni tiegħu għall-ubbidjenza ta’ Ġesù f’idejn il-Verġni Omm Alla Marija. Dejjem intelaq f’idejha bħala omm u patruna li tieħu ħsiebu. Dejjem ħass li kienet preżenti fil-ħajja ta’ kull reliġjuż u reliġjuża biex takkumpanjahom tul it-telgħa iebsa tal-qdusija u twassalhom għall-għaqda ma’ Alla. Għalhekk, meta l-Ordni beda jsieħeb il-lajċi fl-ispiritwalità tiegħu bl-għoti l-ewwel tal-kappa l-bajda u iktar tard tal-labtu, dejjem ippreżenta r-rabta tagħhom miegħu bħala telqa f’idejn Marija u konsagrazzjoni lilha.
Bil-magħmudija Alla jikkonsagrana għalih, jagħmilha tiegħu u jagħtina l-mezzi biex nitqaddsu. Aħna nwieġbu għal din il-konsagrazzjoni billi ningħataw lilu u nikkoperaw miegħu għas-salvazzjoni tagħna. Marija ġiet ikkonsagrata minn Alla b’mod għal kollox uniku bit-tnissil tagħha bla tebgħa, għax kellha tkun Omm l-Iben t’Alla magħmul bniedem. Ħadd daqsha ma wieġeb għal din il-konsagrazzjoni b’qalbu kollha. Hija kienet kollha kemm hi kkonsagrata lil Alla, kollha kemm hi tiegħu. Meta aħna nintelqu f’idejha u nikkonsagraw ruħna lilha nkunu qegħdin nitolbuha tħaddem fina l-maternità spiritwali tagħha. Dan hija tagħmlu billi tiġbidna lejn Alla bil-ġmiel tal-virtujiet tagħha, billi tikkollabora b’mod misterjuż mal-Ispirtu s-Santu li jsawwarna fuq ix-xbieha ta’ Kristu u jagħmilna qaddisin, u billi tidħol għalina quddiem Alla biex naslu fl-istess glorja li fiha tinsab hi ma’ Alla.
Jalla l-festa tal-Madonna tal-Karmnu f’din is-sena ċentenarja tad-dehriet ta’ Fatima tkun okkażjoni biex inġeddu l-konsagrazzjoni tagħna lil Marija u nidħlu dejjem iktar fil-fond tat-tifsira vera tagħha.
P. Alexander Vella O.Carm.
Pirjol Provinċjali
Go Ahead, Leave A Comment