Il-Kelma ta’ Alla llum fil-quddiesa tgħallimna nindunaw li l-konverżjoni u l-bidla tal-qalb u tad-drawwiet tagħna tiddependi mir-rieda tajba tagħna u minn qalb miftuħa għal dak li tassew Alla jrid minna. Fil-parabbola tal-għani u Lazzru mill-Evanġelju ta’ llum, hemm ħafna x’wieħed jgħid.
Hawnhekk nistedinkom nieqfu fuq il-fatt li l-għani jitlob lil Abraham jibgħat lil Lazzru mill-imiwet ħalli jidher lill-familjari tiegħu u jwissihom jibdlu ħajjithom għax “jekk iqum xi ħadd mill-mewt jisimgħu minnu”. Abraham iwieġeb li hemm il-profeti u l-messaġġiera ta’ Alla li jwasslu dan il-messaġġ u ma jagħtux kasu. Ġaladarba ma hemmx rieda tajba u dispożizzjoni li jilqgħu mingħand dawn il-kelma u t-twissija ta’ Alla, lanqas se jagħmillhom effett jekk xi ħadd iqum mill-mewt. Nirriflettu ftit…
Sidna Ġesu’ Kristu qam mill-imwiet u d-dinja tagħna fil-fatt baqgħet dak li hi! Kemm hu siewi li nirriflettu dwar dan, aħna li ħafna drabi nġibu ħafna skużi u raġunijiet tal-għaliex ma neħdux il-ħajja spiritwali u l-fidi tagħna bis-serjeta’. Dejjem nargumentaw u “għax hekk”, u “għax dak”, “minħabba f’hekk”, u “għax darba ġrali hekk”, u “għax issa mhux il-waqt…” Ejjew naħsbu ftit bis-serjeta’ dwar il-ħajja qasira tagħna… x’qed nieħdu minnha? Kif qed insarrfuha? Fil-ħela bħall-għani tal-Evanġelju? Jew bħal Lazzru li fil-faqar tiegħu jintelaq f’Alla li jgħinna nqumu mit-telqa tagħna – ismu hekk ifisser: “Alla jgħin”. Lazzru kien fqir u mitluq, il-faqar tiegħu jikxef ukoll il-faqar tagħna u l-bżonn tagħna tal-għajnuna ta’ Alla li jqajjimna mit-telqa tagħna. Ejjew nieħdu deċiżjoni li nikkonvertu issa, mhux għada… għada jaf ma jasalx, jaf ikun tard wisq…
Go Ahead, Leave A Comment