Jumejn ilu l-Kelma ta’ Alla fil-quddiesa stednitna nitolbu ta’ wlied Alla li aħna u wrietna li aħna nirrelataw ma’ Alla f’familjarità intima li ġejja mill-fatt li Ibnu l-Waħdieni sar bniedem bħalna, ħuna f’kollok, hekk li aħna, fih, bih, u miegħu sirna wlied Alla, tant li nazzardaw insejħulu abba – papà. Illum il-Kelma ta’ Alla tistedinna nagħmlu pass ieħor fil-ħajja tat-talb tagħna: it-telqa f’idejh, l-abbandun tagħna fih.
L-ewwel qari huwa meħud mill-Ktieb ta’ Ester, din is-sultana bint Israel li quddiem il-qerda tal-poplu tagħha minħabba l-konfoffa qarrieqa ta’ Ħaman kontra l-Lhud, tintefa fit-talb quddiem Alla għax hu biss ried ikun biex idawwar il-fehma tas-Sultan Assweru “li joqtlu u jġibu fix-xejn lil-Lhud kollha”. Fit-talba tagħha Ester tiftaħ qalbha u tferra’ dak li hemm fiha quddiem Alla. It-talba tagħha hija espressjoni tal-verità tax-xejn eżistenzjali tagħha. Quddiem Alla tinża l-kuruna ta’ sultana u tintefa titlob bil-ħniena hi u l-poplu tagħha. Huma “jgħajjtu b’kemm kellhom saħħa għax kellhom il-mewt quddiem ghajnejhom”. Dan l-atteġġjament fit-talb ifakkarna wkoll fit-tagħlim li jagħtina San Luqa fuq it-talb, jiġifieri li hu supplika biex Alla jkollu ħniena minna midinbin. Is-supplika ta’ Ester tfakkarna fis-supplika tal-armla li b’insisitenza talbet li jsirilha ħaqq; it-talba ta’ Bartimew l-agħma li jgħajjat u jitlob bil-ħniena sabiex Ġesù jieqaf u jagħtih id-dawl; fit-talba espressa fil-fittaġni tal-mara Siro-Feniċja li qalgħet mingħand Ġesù l-ħelsien ta’ bintha mill-ispirtu l-ħażin; il-prostrazzjoni tal-mara, li tbati bl-imxija tad-demm, misset tarf il-mantar ta’ Ġesù.
It-talb huwa fidi. Fidi fiduċjuża f’Alla telqa f’ idejh konvinzjoni li, kif jgħidilna Ġesù fl-Evanġelju ta’ llum, il-missier tagħna tas-sema jagħtina dak li hu tajjeb għalina. Nitolbu mela b’konvinzjoni li se jingħatalna; infittxu lil Alla imqanqalin mit-tama li se nsibuh. Inħabbtulu l-bieb ta’ qalbu għax nafu li hu se jiftaħhulna u nitolbu l-aktar għall-konverżjoni tal-qalb tagħna u ta’ oħrajn.
Go Ahead, Leave A Comment