Kemm hi sabiħa din l-istqarrija ħierġa mill-fomm ta’ Alla: “minn qalbi nħobbkom” (ara Os 14:2-10). Din l-istqarrija nsibuha fl-ewwel qari ta’ llum li huwa meħud minn silta li fiha Alla bil-kelma t-tajba jipprova jikkonvinċi lil Israel terġa’ lura lejh. Huwa jitkarrbilha, bħalma raġel jitkarrab lil martu li telqet minnu: “ejja lura lejja, għax inti waqajt minħabba ħtijietek”. Alla jassigura lil Israel li jekk tiġi lura hu ma jikkastigahiex ta’ għemilha, imma jfejjaqha għax minn qalbu jħobbha! Din hi l-verità sabiħa li fuqha tinbena l-fidi tagħna, li Alla jħobbna minn qalbu, b’qalbu kollha. L-imħabba tiegħu hi bla kundizzjoni jew tmiem. Iħobbna mhux għax aħna nħobbuh, imma jħobbna għax iħobbna! Ma hemmx raġuni oħra għal imħabbtu, ħlief li hu nnifsu huwa Mħabba. Meta nduqu din l-imħabba, nirċevuha, nibnu ħajjitna fuqha, allura aħna wkoll nibdew ngħixu biha. Għalhekk Ġesù llum ifakkar fil-kmandament il-kbir tal-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu (Mk12:28-34) u lill-kittieb li staqsieh dwar dan il-kmandament jgħidlu “mintix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. Għax is-Saltna ta’ Alla x’inhi? Hija l-qalb ta’ Alla kollha mħabba għalina u min jibni ħajtu fuqha u jgħammar fiha qed jgħix fis-Saltna ta’ Alla li tibda minn din id-dinja stess
Go Ahead, Leave A Comment