Il-Kelma ta’ Alla llum fil-quddiesa teħodna għall-għerq tad-dnub tagħna u tan-nuqqas ta’ kuntentizza ġewwinija. Dawn jinsabu fl-idolatrija. L-idolatrija hija meta jiena nqis dak li mhux Alla, daqs li kieku kien. Il-ġlieda l-kbira tal-Bibbja hija proprju kontra l-idolatrija. Fir-Rabta l-Qadima din il-ġlieda tidher fl-isforz u s-sabar ta’ Alla li gradwalment jeduka l-poplu tiegħu iqim, fil-ħajja u fil-kult, lilu biss għax hu Alla u ma hemmx allat oħra għajru. Fir-Rabta l-Ġdida, Ġesù, fil-linja tal-profeti, gradwalment jifforma lil dawk li jimxu warajh biex iqegħdu l-ewwel f’kollox is-Saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu.
L-ewwel qari tal-quddiesa ta’ llum huma meħud mill-kapitlu 17 ta’ Profeta Ġeremija. F’dan il-Kapitlu il-Profeta jċanfar il-poplu proprju fuq l-idolatrija li għandha l-għeruq tagħha fil-qalb tagħna, għax ix-xewqat ta’ qalbna juru tassew fejn qegħdin it-teżori tagħna. Neħtieġu d-dawl ta’ Alla biex jgħinna ngħarblu qalbna u nintebħu fuqhiex qed nibnu ħajjitna. Fuq dak li jibqa’ jew fuq dak li jintemm u jgħaddi? Tajjeb nistaqsu x’inhu jew min hu l-idolu li fuqu jiena nserraħ. L-idolu nista’ nkun jiena nnifsi, oġġetti materjali, u saħansitra persuni. Għandna espressjoni bil-Malti li spiss nirrepetuha: “għamlu Alla tiegħu”.
Ġeremija llum iwissina minn dan il-periklu li nqegħdu t-tama tagħna, nibnu ħajjitna fuq bnedmin tad-demm u l-laħam bħalna u nimlew rasna li bihom f’ħajjitna ma jonqosna xejn. F’kelma waħda naqgħu fl-idolatrija, ilsiera tal-idolu li nkunu ħloqna aħna stess. Minn dan jiġi li l-aspettattivi tagħna forsi jkunu għolja, nistennew dak li forsi ma jistgħux jagħtuna, u meta ma jtuniex dak li nkunu qed nistennew immorru l-estrem l-ieħor li narmu l-persuni. X’differenza meta t-tama tagħna hija f’Alla! Meta ħajjitna nibnuha fuqu! Alla jqiegħed kollox f’perspettiva, inklużi r-relazzjonijiet tagħna, il-persuni li ngħixu magħhom… dawn ma jibqgħux allat tagħna, idoli, imma jsiru f’għajnejna dak li huma: bnedmin tad-demm u l-laħam li bħalna qed jitqabdu l-ġlieda tagħhom bl-inżul u t-tlajja kollha tagħha. L-aspettativi tagħna mbagħad jibdew jonqsu u ma neħduhiex bi kbira meta saħansitra l-għeżież tagħna jonqsuna, għax kif jgħid Ġeremija llum: “qalb il-bniedem min jifhimha?!” Santa Tereża tgħallimna mill-esperjenza li l-bnedmin ma nistgħux noqgħodu fuqhom għal kollox, għax il-bniedem minnu nnifsu jinbidel. Li neħtieġu huwa li ninbnew fuq Alla għax dak hu immutabbli.
Dan ma jfissirx li ma nidħlux f’relazzjonijiet, ma nipproġettawx ħajjitna mal-oħrajn, ma nidħlux f’impenji, ma nimxux bi rġulija. Ifisser biss, li għax inkunu mibnija fuq Alla u f’Alla nagħmlu dan kollu b’sens kbir ta’ fedeltà lejna nfusna, lejn Alla u lejn l-oħrajn u b’determinazzjoni li nħallu lil Alla jissudana, bħalma norbtu siġra dgħajfa u nissudawha ma’ lasta biex tissaħħaħ hekk li ma tkunx qisha qasba tixxejjer mar-riħ tal-mument. Mibnijin f’Alla u fuq Alla imbagħad inkunu nistgħu ngħixu tassew il-kompassjoni għax aħna u ngħarfu n-nuqqas ta’ ħila tagħna inkunu nistgħu ngħadru u nħennu lill-oħrajn fin-nuqqas ta’ ħila tagħhom u fl-inkongruwenzi ta’ ħajjithom.
Go Ahead, Leave A Comment