L-Evanġelju ta’ llum li jirrakkonta l-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej wieħed jista’ jarah minn diversi aspetti. Fil-mixja tar-Randan jieħu tifsira partikolari marbuta mal-mixja ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm, il-belt li fiha Ġesù għamel l-Għid tiegħu. Tema mportanti f’San Luqa hija l-filjolanza ta’ Ġesù. Huwa mhux biss iben il-bniedem imma wkoll Iben Alla. L-anġlu fit-Tħabbira jippreżentah bħala Iben l-Għoli, il-ġenealoġija tibqa’ sejra sa Adam, bin Alla, fil-magħmudija u fit-trasfigurazzjoni il-Missier jistqarr li hu Ibnu l-Għażiż jew il-Maħtur.
Tema oħra marbuta ma’ din hija l-ilbies. Fit-twelid Marija tfisqi lil Ġesù u tqegħdu f’maxtura, fit-Trasfigurazzjoni lbiesu jiddi bħax-xemx, fuq is-salib is-suldati jaqtgħu ix-xorti għal libsa tiegħu. L-ilbies huwa sinjal tal-identità u d-dinjità ta’ dak li jkun imlibbes, bħal fil-każ tal-Fargħun li jlibbes lil Ġużeppi bi lbies ta’ dinjità (Ġen 41:42) bħall-Iben il-Ħali li jitlibbes mill-ġdid mill-Missier “l-ewwel libsa” jew “l-aħjar libsa”. Fil-ktieb ta’ Żakkarija l-anġlu wkoll jgħid lil Ġożwè: “Ara ħassart dnubek u se nlibbsek bi lbies fin” (Żakk 3:4), jew il-martri tal-Apokalissi li jitlibbsu bi lbies abjad (Apok 6:11). L-ilbies jiddi ta’ Ġesù jikxef l-identità tiegħu ta’ Iben Alla li niżel fostna biex nisimgħuh u nidħlu miegħu f’din il-filjolanza. Aħna fih u bih ulied adottivi ta’ Alla. L-ilbies jiddi ta’ Ġesù jfakkarna fl-ilbies abjad tal-anġlu fil-qawmien mill-imwiet u fl-ilbies tal-ġild li Alla libbes bih lill-ewwel bniedem wara l-waqgħa. Rabbi Giuda jikkummenta li meta l-bniedem ħareġ minn idejn Alla, il-ġilda tiegħu kienet tiddi bid-dinjità ta’ iben Alla. U meta bid-diżubbidjenza tiegħu il-bniedem tefa’ dan id-dawl tal-qdusija fih, Alla reġa’ libbsu lbies tal-ġild, biex jagħtih mill-ġdid id-dinjità li biha ħalqu fil-bidu. Din id-dinjità nirċevuha mill-ġdid b’mod sħiħ f’Ġesù. San Pawl fit-tieni qari ta’ llum iħeġġiġna biex nixbħu lilu għax hu libes lil Kristu, dan Kristu li bih pajjiżna hu s-sema. Fil-magħmudija tagħna aħna nilbsu l-ilbies abjad għax nidħlu fil-ħajja ta’ Ġesù, aħna nsiru ħaġa waħda miegħu nieħdu l-ħajja tiegħu. Fil-punt tal-mewt ukoll waqt it-talb tal-moribondi, is-saċerdot jgħidlna: “ħa jlibbsek mill-ġdid bl-ewwel libsa, li rċevejt fil-magħmudija”.
Il-mixja tar-Randan hija waħda ta’ tisfija, ta’ axxeżi (telgħa) lejn il-muntanja li fuqha Alla jlibbisna bid-dinjità tal-bidu, telgħa li fiha biex naslu fil-quċċata jeħtiġilna ninżgħu u narmu minn fuqna dak li jtaqqlilna l-vjaġġ tagħna lejn Alla. Jalla dan ir-Randan ikun għalina żmien li niftakru dejjem fid-dinjità li Alla libbisna biha bħala wliedu, aħna li nsejħulu Missierna u li nagħmlu minn kollox biex ngħixu tassew ta’ wliedu fi Kristu.
We use cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue to use this site we will assume that you are happy with it.OkPrivacy policy
Go Ahead, Leave A Comment