Is-sajf wasal fi tmiemu u bdejna l-istaġun tal-Ħarifa. Dan iġib miegħu il-bidu ta’ sena oħra ta’ attivitajiet spiritwali, formattivi u akkademiċi fil-Karmnu tal-Mdina. Fix-xahar ta’ Ottubru, eżattament nhar l-Erbgħa 12, jibdew mill-ġdid il-laqgħat tat-Terz Ordni Karmelitan, il-Lectio Divina ta’ kull xahar u l-laqgħat tat-Titus Brandsma Circle bl-istudju tal-mistiċi.
Fuq livell ta’ ċelebrazzjonijiet nhar l-1 ta’ Ottubru niċċelebraw il-festa ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. fil-quddiesa tas-7am bħal kull sena jkollna t-tberik tal-ward.
Matul din is-sena nkomplu l-programm taċ-ċelebrazzjonijiet marbutin mal-450 Sena mit twelid ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi. Fix-xhur li ġejjin il-Provinċja Karmelitana Maltija se torganizza irtiri għal-Lajċi, Saċerdoti u Reliġjużi. Għal program u nformazzjoni wieħed għandu jżur il-paġna facebook tal-450 sena. Għandna wkoll diversi gruppi ta’ rtiri ta’ ġurnata u pellegrini fis-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena
Fil-5 ta’ Ottubru se jkollna wkoll it-tnedija mid-Dar tal-Pubblikazzjoni Horizons, tal-poeżiji ta’ P. Charlò Camilleri. Fuq il-paġna facebook issibu l-informazzjoni meħtieġa għal min irid jattendi.
Bi swied ta’ qalb ikollna nistqarru magħkom li għadha tiġri x-xniegħa li l-kunvent tal-Karmnu fl-Imdina huwa magħluq u abbandunat u vojt. Ilkoll tafu li dan mhux minnu għax il-kunvent huwa dar għal komunità reliġjuża u l-post huwa ċentru ta’ attivitajiet u ħafna jsibu fih kenn ta skiet u oasi ta’ spiritwalità… għinuna nxerrdu l-kelma ħa neqirdu x-xnigħat li jagħmlu biss ħsara.
Waqt li nittamaw li narawkom, nixtiqulkom il-kumplament tal-istaġun it-tajjeb.
Go Ahead, Leave A Comment