Flecto genua mea ad Patrem Domini nostri Iesu Christi (Ef 3:14)

Eċċ. Mons. Pawlu Cremona Missier il-Knisja f’Malta, Rev.du Kapitlu, ħuti fis-saċerdozju u fil-ħajja konsagrata, ħuti nsara:

Flecto genua mea ad Patrem Domini nostri Iesu Christi.
Jiena ninżel għarkopptejja quddiem il-Missier ta’ Sidna Ġesu’ Kristu

Janet Brooks GerloffB’dan is-sentimenti f’qalbi tal-Appostlu Missierna San Pawl mikxufa fl-ittra lill-Insara ta’ Efesu, nixtieq nistieden lilna lkoll sabiex niftħu qalbna u nħallu lis-Sinjur tagħna Sidna Ġesu’ Kristu jfissrilna l-Iskrittura Mqaddsa, bħalma darba għamel mad-dixxipli mifxula fi triqthom lejn id-dar tagħhom f’Għemmaws. Dawn iż-żewġ dixxipli jiena nistħajjilhom dik li hija l-komunita’ tad-dixxipli f’Malta: dixxipli ta’ qalb tajba imma mifxula; dixxipli li jeħtiġilna nħallu għal darb’oħra lil Sidna Ġesu’ Kristu jiftħilna l-Kotba Mqaddsa u jfissirhomlna bħalma fetaħhom quddiem iddixxipli tiegħu u quddiem l-Appostlu Missierna San Pawl dakinhar tarrivelazzjoni fi triqtu lejn Damasku, fix-xagħri tal-Għarabja fir-reġjun tal- Petrea u f’Damasku nnifisha. Quddiem din ir-rivelazzjoni Pawlu ta’ Tarsu jinżel għarkopptejh f’sens ta’ radd-il ħajr u stagħġib quddiem il-misteru moħbi minn dejjem u li Alla jgħarrfu, kif jgħallimna Ġesu’, liċ-ċkejknin.

Ħuti l-aktar għeżież, illum qegħdin niċċelebraw proprju dan il-waqt tar-rivelazzjoni ta’ Kristu lil Sawlu, il-mument li fih Sawlu jinduna li hu għama. Hu li kien mingħalih qed jara, quddiem Kristu, jinduna li hu għama. Illum, ħuti għeżież, qegħdin niċċelebraw il-mument għażiż li bidel l-istorja tal-Kristjaneżmu, il-mument li fih Kristu wera li r-riedni tal-Knisja huma f’idejh u daħal bil-qawwa fil-ħajja ta’ Sawlu sabiex jiftaħlu għajnejh, iwaqqgħu mill-għoli li hu kien jaħseb li jinsab fuqu, u jurih li huwa jinsab fl-art u li huwa wieħed minn dawk li ma jifhmux fil-ħwejjeġ ta’ Alla għax iqisuhom bil-qjies tal-art. Mhux ta’ xejn ħuti l-għeżież dawk li Alla żejjinhom bid-dehen artistiku huma u jpinġulna quddiem għajnejna dan il-mument li aħna nsejħulu l-konverzjoni ta’ Pawlu ta’ Tarsu, għażlu kważi b’istint li juruna lil Pawlu mixħut mal-art minn fuq żiemel fost l-għaġeb ta’ dawk tal-madwar. Iż-żiemel, fil-qasam tal-arti u l-ikonografija huwa simbolu tal-kburija, tal-qawwa, taċ-ċertezza minnek innifsek. Il-kbarat tad-dinja ibda mill-mexxejja mkabbra tad-dinja klassika sa ftit taż-żmien ilu, kienu jiġu rappreżentati, riekba fuq żiemel jogħla lejn is-sema. Ġesu’ Kristu, l-ewwel u l-aħħar, l-Alfa u l-Omega, is-Sultan tas-Slaten u s-Sid tas-Sidien li quddiemu kull irkoppa tmil u kull ilsien jistqarr, dak li l-aħħar kelma hija tiegħu, hu biss, il-Waħdieni kellu l-ħila jiġbed it-tapit minn taħt saqajn Sawlu u jaqilbu mill-kburija li xidd fuqu. Ġesu’ Kristu biss kellu l-ħila jniżżel lil Sawlu għarkopptejh. F’Bibbja manuskritta tas-seklu 15 hemm il-paġna tal-konverżjoni ta’ San Pawl impittra b’mod li tiġbor is-sens profond tal-effett li kellha fuq Pawlu din ir-rivelazzjoni fit-triq lejn Damasku. Ma fhijiex id-drammatiċita’ tal-kjaroskur barokk li aħna mdorrijin bih. F’xena idillika li taħsibha l-ġenna, il-ġnien tal-Għeden, iż-żiemel u Sawlu, quddiem id-dija tad-dawl ta’ Kristu jinżlu għarkopptejhom b’rashom baxxuta f’ġest ta’ venerazzjoni, iċedu l-armi biex ngħidu hekk quddiem il-misteru mikxuf minn Dak li hu ta’ qalb ħelwa u umli. Hija l-ħlewwa u l-umilta’ ta’ Kristu biss li żżarma u tikxef is-suppervja u l-kburija tal-bniedem li joħloq lil Alla fuq is-sura u x-xbieha tiegħu.

Hija sewwasew din il-laqgħa ta’ Pawlu mal-ħlewwa u l-manswetudni ta’ Kristu li ġabet fih bidla radikali fil-mod ta’ kif Sawlu, bniedem reliġjuż mħeġġeġ, kien iħares lejn Alla u lejn ir-reliġjon ta’ Missirijietu u lejn il-missjoni ta’ dan il-Poplu l-Magħżul minn Alla sabiex ikun sinjal għall-ġnus kollha. Ma nkunux qed neżaġeraw jekk ngħidu li l-ewwel konverżjoni ta’ Sawlu ta’ Tarsu kienet fil-mod imġedded ta’ kif iħares lejn ġensu. Minn Poplu Magħżul, huwa beda jħares lejn Israel bħala Poplu b’missjoni. U hawn ir-rilevanza ta’ Sawlu ta’ Tarsu mhux biss għall-Kristjaneżmu imma wkoll bħala figura interessanti ferm tal-Ġudaiżmu, illum li l-istudjużi Lhud ifformulaw sa mill-aħħar tas-seklu 19 bidu tasseklu 20, mod ġdid ta’ kif Israel iħares lejh innifsu, mhux tant bħala l-Ġens Magħżul ta’ Alla bi preferenza fuq l-oħrajn iżda bħala Ġens b’Missjoni fost il-bqija tal-ġnus l-oħra li kienu għadhom fid-dlam. Din l-intuwizzjoni nsibuha diġa’ fl-Appostlu Missierna San Pawl li għex fi żmien ta’ taqlib storiku u reliġjuż li mhux biss affettwa l-Ġudaiżmu imma wkoll il-Kristjaneżmu. Dan iż-żmien li baqa’ magħruf bħala dak tal-aħħar perjodu tat-Tieni Tempju, jew iż-żmien ta’ bejn żewġ Rabtiet – dik qadima u dik ġdida -. Kien f’dan iż-żmien kważi apokalittiku li Sawlu ta’ Tarsu għex, kiber, trabba, u fforma ħsiebu u l-personalita’ tiegħu, bħalma wara kollox kiber u trabba Kristu.

Dan iż-żmien, li l-għeruq tiegħu imorru lura għas-seklu 6 Qabel iż-Żmien tal-Kristjaneżmu, kien karatterizzat mill-qawmien ta’ diversi setet u movimenti ta’ ħsieb u azzjoni fi ħdan il-Ġudaiżmu nnifsu u ma kienx faċli wieħed jara eżattament x’kien ġej minn Alla, u x’ma kienx. Fosthom insibu l-movimenti l-kbar: Fariżej, Sadduċej, Esseni, Żeloti, u Sikari; movimenti filosofiċi, reliġjużi, politiċi u kriminali. Magħhom insibu l-qawmien tal-iskejjel ta’ ħsieb magħrufa bħala tal-Ħillel u x-Xammaj. Wieħed minn dawn il-movimenti kien dak imqanqal minn Ġesu’ Kristu. Gamaljel jagħti l-kriterju ta’ x’inhu validu u mhux: dak li ġej minn Alla ma jinqeridx, jagħmlu x’jagħmlu l-bnedmin. Huwa f’dan il-kuntest li rridu nifhmu lil Sawlu ta’ Tarsu, Fariżew imħeġġeġ għall-fidi u r-reliġjon ta’ Missirijietu. Hu li kien wieħed minn tal-ewwel li kien jara u jgħasses sabiex irażżan dawn il-movimenti ġodda ta’ ħsieb fi ħdan il-Ġudaiżmu. Hawn jinsab il-kobor ta’ Sawlu ta’ Tarsu, li fin-nuqqas ta’ ċarezza, rnexxielu jinduna l-ewwelnett li Iżrael wasal għall-milja tiegħu fi Kristu u t-tieni li rnexxielu jinterpreta l-Bxara t-Tajba ta’ Sidna Ġesu’ Kristu skont iż-żmien li kien jinsab fih u jiftħu għall-ġnus kollha. Dan hu l-kobor ta’ Sawlu ta’ Tarsu! Din hija l-konverżjoni tiegħu li niċċelebraw kull 25 ta’ Jannar f’għeluq il-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-Insara! Nistaqsu aħna lilna nfusna: fejn hi l-milja tal-Kristjaneżmu? Lejn xhiex aħna mexjin? Jekk ma għandniex viżjoni, aħna li nemnu li aħna msejħin biex ngħammru fil-futur ta’ Alla, allura ma neħduhiex bi kbira li qisna ngħaġ bla rgħaj, qasba tixxejjer mar-riħ, li ndoqqu t-tromba skont it-taqlib u ċċaqlieq taż-żmien!

Dakinhar fi triqtu lejn Damasku, Sawlu ta’ Tarsu sar Pawlu ta’ Kristu. Huwa niżel għarkopptejh, baxxa rasu, qgħad għall-ubbidjenza tal- Imgħallem Divin għaliex quddiemu kull irkoppa tmil u kull ilsien jistqarr li Hu is-Sid, il-Mulej. Ta’ min hawnhekk nistaqsu x’kienet il-mixja ta’ Sawlu għal Pawlu, minn ta’ Tarsu għal ta’ Kristu? X’kienu t-tappi tal-mixja tiegħu lejn il-fidi fi Kristu?

Pawlu nnifsu jaqsam magħna l-esperjenza tiegħu fl-ittra lill-Galatin kapitlu 1 li hija fuq livell storiku u eżeġetiku iktar qrib ir-realta’ ta’ dak li seħħ fit-triq ta’ Damasku, mir-rakkonti li jagħtuna l-Atti tal-Appostli. Il-ġrajja fl-ittra lill-Galatin mill-pinna ta’ Pawlu hija fuq livell teoloġiku sostanzjalment differenti minn dak li jagħtina Luqa fl-Atti tal-Appostli. Mhuwiex il-ħsieb tiegħi li nidħol f’dettalji li skont San Pawl innifsu ma jgħidu xejn għall-fidi tagħna fi Kristu. Se nieqaf biss fuq il-kliem preċiż tal-Appostlu Missierna San Pawl huwa u jirrakkonta l-esperjenza tiegħu ta’ konverżjoni lejn Kristu: meta Dak li għażilni sa minn ġuf ommi, u li sejjaħli permezz tal-grazzja tiegħu, għoġbu jirrivela lil Ibnu fija biex inħabbru fost il-ġnus, minnufih, bla ma qgħadt infittex li nieħu parir mingħand bnedmin tad-demm u l-laħam, bla ma tlajt Ġerusalemm għand dawk li kienu appostli qabli, jiena mort fl-Għarabja, u mbagħad erġajt lura lejn Damasku.

San Pawl

Jispikka l-ħsieb ta’ Pawlu li

  • 1) hemm għażla ta’ Alla sa mill-ġuf,
  • 2) hemm sejħa
  • 3) hemm rivelazzjoni
  • 4) li ġġib magħha missjoni.

Dawn huma l-4 tarġiet jew waqtiet li fihom tinġabar il-mixja ta’ fidi ta’ Pawlu; tarġiet jew waqtiet li tajjeb li l-Knisja ta’ Kristu f’Malta ta’ Pawlu tagħmilhom tagħha.

1) Huwa Alla li jagħżel sa mill-ġuf. Kliem li jindika li Alla huwa ħieles fl-għażla tiegħu. Ma tiddependix minna din l-għażla. Fil-ġuf lanqas inkunu konxji ta’ dan il-misteru li qed iseħħ fil-bniedem il-ġdid li jkun qed jiġi ffurmat. Huwa Alla li jagħżel. U jekk Alla jagħżel, min aħna biex din l-għażla nippruvaw nifhmuha, jew naħkmuha. Alla jagħżel kif irid u lil min irid bil-liberta’ kollha. Għajb għalina jekk bi kliemna, bi mġebitna, b’dak li ngħallmu u nxandru nagħtu l-impressjoni – volontarja jew involontarja – li aħna għandna xi muftieħ jew ċavetta tal-bieb tar-rieda u l-qalb ta’ Alla. Il-fatt li l-għażla ta’ Alla hija dejjem ħielsa għandu jżommna imqajmin, għassa biex ngħarrxu ħalli naraw x’inhi l-għażla ta’ Alla illum. F’din l-għażla sa mill-ġuf, għal min hu midħla tal-kotba mqaddsa, jaf li għandha riżonanzi tas-sejħat il-profetiċi l-kbar. Il-profeti tar-Rabta l-Qadima u tar-Rabta l-ġdida li Alla jagħżilhom mill-periferija, mit-tarf jew minn barra l-istituzzjoni reliġjuża stabbilita

Mhux ta’ xejn Pawlu u Pietru, Pietru u Pawlu fl-istorja nisranija saru l-arketipi ta’ żewġ modi distinti u mhux separati ta’ kif wieħed jifhem il-pjan ta’ Alla. Pietru l-istituzzjoni, Pawlu l-kariżma profetika. Mingħajr ma nissimplifikaw iżżejjed għax ilkoll aħna ħaġa waħda fil-fidi fi Kristu u mingħajr ma naraw firdiet u separazzjonijiet fejn mhemmx, tajjeb nirriflettu hawnhekk fil-Katidral ta’ Malta, is-simbolu tal-Istituzzjoni ekkleżjastika f’pajjiżna, kemm qegħdin nagħtu spazju lill-aspett kariżmatiku u profetiku tal-esperjenza nisranija? Kemm aħna lesti nissugraw noħorġu mis-sigurtajiet istituzzjonali tagħna u nħallu l-Ispirtu jonfoħ fejn irid u kif irid. Kemm għandna l-kuraġġ li bħala Knisja, ninħbew u nirtiraw irwieħna fid-deżert tal-Għarabja bħal Pawlu li kellu bżonn jassimila dak li rċieva mingħand Kristu qabel ma ħareġ għonqu għax-xandir tal-Evanġelju. Ma nistax ma nistedinx minn hawnhekk lilna l-insara, lill-Knisja, sabiex ikollna l-kuraġġ nirtiraw, ninħbew mix-xena pubblika sabiex ikollna ħin u spazju nisimgħu, mhux lid-dinja u l-ilħna tagħha, imma lill-Ispirtu li jaħdem fis-skiet u fil-moħbi tal-ġrajja tal-bnedmin. Nistaqsu b’idejna fuq sidirna jekk aħniex Knisja li taqra s-sinjali taż-żminijiet u twieġeb b’risposti adegwati għal-llum, jew inkella għadnix ilsiera tal-imgħoddi u tal-istrutturi li drajna fihom u li qed juruna li qishom il-bjar ta’ Ġeremija: imtaqqbin u miksurin u allura ma jistgħux iżommu l-ilma tal-ħajja fihom. Din hija l-isfida pożittiva li Alla għamlilna f’dan l-aħħar żmien permezz tal-viżjoni li l-Papa Benedittu vara lil Knisja fiha bil-maġsiteru mdawwal tiegħu u permezz ukoll tal-ħidma tal-Papa Franġisku li qed iwettaq din il-viżjoni fil-moviment ta’ riforma ekkleżjastika. Lilna l-merħla ta’ Kristu, u b’mod speċjali lir-reliġjużi iħeġġuna biex nibqgħu fidili għall-esperjenza kariżmatika u ma nħallu lil ħadd u lil xejn jagħmilna istituzzjonalizzati hekk li noqtlu fina l-leħen profetiku tal-ispirtu bl-eżempju, bil-kelma u bl-għażliet profetiċi. Inħoss li waħda mill-għażliet profetiċi hija li nirtiraw sabiex nisimgħu. Ma hemmx għeżież tiegħi moviment wieħed ta’ riforma ekkleżjastika, soċjali u missjunarja jekk ma tibdiex mill-umilta’ u mill-kapaċita’ li wieħed jirtira fid-deżert bl-għeruq imwaħħla fi Kristu ’il bogħod mill-ħambaq tad-dinja miġnuna ddur fuqha nnifisha fit-triq tattelfien: stat crux, dum volvitur orbis. Fl-għażla hemm dan l-aspett ta’ twarrib: meta tagħżel oġġett inti twarrbu mill-bqija u dan huwa l-ewwel pass kuraġġuż li jgħallimna l-Appostlu Missierna San Pawl li aħna niftaħru li xrobna minnu l-ħeġġa missjunarja talappostolat attiv. Il-Knisja f’Malta ħuti għeżież, hija Knisja attiva, naħdmu ħafna… imma kemm qed naħsdu? Ma għandux dan almenu jġegħilna nistaqsu x’hemm li mhux jinkwadra? Bla tlaqlieq inħoss li Alla qed iseħilna biex nisktu, nisktu ħa nisimgħu verament xi jrid Alla u x’teħtieġ id-dinja tagħna. Wisq nibża’ li konxjament jew inkonxjament dan nibżgħu nagħmluh għax nafu li Alla qed iħabbat il-bieb biex nagħtu tfarfira tajba f’dan il-wirt ta’ Pawlu.

2) Fl-esperjenza ta’ Pawlu, wara l-għażla ħielsa u deċiżiva ta’ Alla hemm is-sejħa, li nistgħu inħarsu lejha bħala l-espressjoni tal-għażla, jekk trid il-verbalizzazjoni tal-ħsieb ta’ Alla. Fis-sejħa ta’ Pawlu, f’kull sejħa, hemm din ir-rivelazzjoni, il-kxif ta’ dak li Alla għandu f’moħħu għalina. Alla mhux biss jagħmel għażla, imma din l-għażla jikxifha, jirrivelaha billi jsejjaħ. Santu Wistin jgħaqqad flimkien il-kelma u l-leħen li jwassal il-kelma. Il-kelma tinsab filmoħħ, fil-każ tagħna, ta’ Alla u l-leħen huwa l-espressjoni barranija, li tinstema’ tal-kelma li toħroġ minn fomm Alla. Il-leħen joħroġ il-kelma mill-ħsieb u l-qalb ta’ persuna u jwassalha, inissilha, inibbitha f’oħra li tagħti widen. Il-leħen jgħaddi, il-kelma tibqa’ għal dejjem. Il-mument tas-sejħa jgħaddi, imma dak li din is-sejħa tiżra’ jibqa’ u jħalli l-effett tiegħu fil-ħajja ta’ dik li tilqa’ din il-kelma, il-pjan ta’ Alla għaliha. Għalhekk San Pawl dejjem isellem lil ħutu nsara bit-tislima tal-imħabba ta’ Alla permezz ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Għax Kristu huwa l-espressjoni ta’ dak li Alla għandu f’qalbu għalina l-bnedmin. Hu għażilna u sejħilna biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba, u dan permezz ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Hekk għoġob lir-rieda tiegħu. Din hi s-sejħa tagħna: il-qdusija. Li nieħdu sehem mill-qdusija ta’ Alla, mill-istess ħajja tiegħu, mill-familja tiegħu: minnu tieħu isimha kull familja fis-sema u fl-art, biex skont l-għana tal-glorja tiegħu, jagħtikom li bilqawwa tiegħu permezz tal-Ispirtu tiegħu tissaħħu fil-bniedem ta’ ġewwa u li Kristu jgħammar f’qalbkom permezz tal-fidi, biex tniżżlu l-għeruq tagħkom fl-imħabba u fuqha tibnu ħajjitkom. B’hekk tkunu tistgħu tifhmu, flimkien mal-qaddisin kollha x’inhu lwisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond tal-imħabba ta’ Kristu; tgħarfu kemm din l-imħħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf, biex timtlew bil-milja kollha ta’ Alla. Dan hu l-misteru li quddiemu Pawlu jinżel għarkopptejh. Kemm hu hieni min jgħaraf dan il-misteru rivelat bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu.

3) Minn dan il-misteru rivelat bi Kristu, ma Kristu u fi Kristu jersaq it-tielet mument tal-konverżjoni ta’ Pawlu. Fl-ittra lill-Galatin Pawlu jistqarr huwa u jirrakkonta l-ġrajja ta’ Damasku li Alla għoġbu jirrivelalu lil Ibnu Ġesu Kristu Sidna. Tajjeb nagħtu każ ta’ dettal ċkejken imma fundamentali ta’ dak li jgħid Pawlu. Huwa jistqarr preċiżament li Alla rrivela lil Ibnu fih, f’Pawlu! Alla, jgħidilna Pawlu, ma rrivelax lil Ibnu lilu, imma fih, fil-persuna tiegħu! Jidwi f’widnejna l-eku tal-espressjoni mistika ta’ San Pawl: “Ngħix, mhux jien, iżda huwa Kristu li jgħix fija!” Hemm differenza li tgħid Alla rrivela lil Ibnu lili, minn Alla rrivela lil Ibnu fija. Hawn hija l-qalba ta’ kollox għeżież ħuti: Aħna msejħin biex Kristu jidher fina. Għalhekk jeħtieġ ninħbew, ninsatru mix-xena pubblika, ħalli Kristu jidher. Nidhru inqas aħna u nħallu lilu jispikka, jiddi, hu li hu nnifsu huwa moħbi. Għeżież ħuti, ejjew nindunaw li aħna ssibna minn tal-ewwel biex nuru leħinna, u dan huwa tajjeb, imma kemm issibna minn tal-ewwel li ngħixu l-ħajja moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla.

4) Għal San Pawl din hi l-għażla, is-sejħa u l-missjoni tad-dixxiplu ta’ Ġesu’: li jgħix moħbi ma’ Kristu. Kristu li mill-moħba ta’ ħdan il-Missier, insatar fil-ġuf ta’ Marija, mis-satra fil-ġuf nħeba fl-Eġittu u f’Nażaret, min-Nażaret inħeba fid-deżert u mid-deżert wara li deher ixandar is-saltna li waslet, inħeba fil-qabar u mill-ġdid fi ħdan il-Missier għax jekk il-ħabba tal-qamħ ma’ taqax fl-art u tmut, tindifen jew tinħeba taħt l-art, tibqa’ waħedha, imma jekk tmut tagħmel ħafna frott. Għeżież tiegħi, nistaqsi b’għafsa ta’ qalb: huwa l-każ li aħna waħedna quddiem Alla? Nistaqsu u nirriflettu għax jasal żmien u issa hu li l-bidla taż-żmien tgħaddi minn fuqna u tgħaffiġna taħtha! Nistaqsu: kif qed inwiegbu ghaz-zmien li ninsabu fih? L-isfidi ta’ pajjizna huma l-isfidi taghna wkoll. Kemm ahna pro-attivi quddiem is-socjetà li b’ritmu mghaggel qed tinbidel b’mod li kwazi kwazi ma tingharafx. Kemm se ndumu qisna nigru wara socjetà u kultura li ilha li lebbtet ‘il barra saqajha wara dahrha hekk li hallietna bla nifs bizzejjed biex nilhquha? Alla qieghed jixprunana bl-ezempju ta’ Pawlu sabiex nibnu kultura gdida f’dan ilbdil ta’ zmien. Ejjew mill-fdal, mill-anawim, nibnu kultura nisranija hekk kif ghamel Pawlu bil-ftuh u l-attenzjoni u l-evangelizzazjoni tal-gnus. Ejjew niehdu ezempju mill-esperjenza u l-gherf tal-knisja maturat mal-medda tal-bidliet taz-zmien. Jigi quddiem ghajnejja lkuragg u l-ezempju missjunarju tal-Papa San Girgor il-Kbir l i fi zmien it- taqlib u t-tahlit tal-popli bl-ghazliet tieghu evangelici bena dik li llum insejhulha L-Ewropa. Huwa bena u holoq kultura gdida. Mhuwiex il-hin u l-post u lanqas xoghli hawn li noffri soluzzjonijiet, imma li nistieden! … Fejn hi l-pastorali strutturata tal-gnus, fuq xtutna? Kif konna kapaci bhala Knisja f’Malta norganizzaw dan ‘il barra minn xtutna u ma qisna mblukkati dejn titdhol art twelidna? Gheziez dak li nizirghu nahsdu. F’dan iż-żmien ta’ taqlib, f’dan iż-żmien li huwa bidla ta’ żmien, ma nibżgħux nieqfu nosservaw x’qed jiġri madwarna. Ma nibżgħux nisktu sabiex naraw is-sinjali tal-preżenza moħbija ta’ Alla fostna u fuq kollox ma niddubitawx li Alla lilna għażilna, sejħilna u tagħna missjoni fiddinja ta’ llum, mhux fid-dinja ta’ lbieraħ. San Pawl jgħallimna u lkonverżjoni tiegħu tgħallimna li l-missjoni tagħna hi li nħallu lil Kristu jidher fina, li Kristu jiġi rivelat fina u din ħuti l-għeżież hija l-iktar parti iebsa tas-sejħa nisranija, imma dik irid Alla minna.

Ejjew noħorġu minn hawnhekk b’din ir-riżoluzzjoni, b’determinazzjoni determinata li ngħixu s-sejħa tal-qdusija. Hekk jgħallima l-Konċilju Vatikan II meta jwissina: ħa jkunu jafu l-insara kollha huma min huma li l-ewwel missjoni tagħhom fil-Knisja hija li jaħdmu fuqhom infushom ħalli jitqaddsu.

Appostlu Missierna San Pawl, it-tifkira tiegħek ġabritna llum madwar ilmejda tal-Kelma ta’ Kristu, dik il-Kelma li f’qalbek kienet tħabbat, fuq fommok taqta fil-laħam il-ħaj bħal xabla msinna. Aqlgħalna mingħand Alla qalb imħeġġa bl-Evanġelju, bil-Bxara t-tajba tal-Għid ta’ Kristu. Agħtina li ma niftaħru qatt jekk mhux bis-Salib ta’ Sidna Ġesu Kristu li bih id-dinja hi mejta għalina u li bih aħna mejtin għad-dinja. Dewwaqna mill-esperjenza mistika tiegħek ta’ għaqda ma’ Kristu ħalli aħna wkoll bħalek inkunu nistgħu ngħidu: “Jiena ninżel għarkopptejja quddiem il-Missier ta’ Sidna Ġesu Kristu” li għoġbu jħabbibna miegħu u li afdalna m-ministeru ta’ din il-ħbiberija tal-bnedmin miegħu.

Ikun Imfaħħar Sidna Ġesu Kristu li tiegħu Pawlu hu l-qaddej u l-appostlu.

Rev. Dr Charlo Camilleri O.Carm.

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook