Ir-Raġel ta’ Marija Dejjem Verġni,
Missier Putattiv ta’ Sidna Ġesu’ Kristu
Patrun tal-Knisja Universali
Protettur tal-Ordni Karmelitan

“Għaliex għamiltilna hekk?! Ara Missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma”

Eċċ Tiegħek Mons. Arċisqof Pawlu Cremona, Missier il-Knisja f’Malta, Rev.du Kapitlu, ħuti reliġjużi u nsara, għeżież devoti ta’ dan ir-raġel ġust, Ġużeppi, intom ukoll li qed issegwuna mir-Radju u l-mezzi talkomunikazzjoni, mexxejja distinti ta’ pajjiżna mistiedna biex taqsmu filferħ nisrani ta’ din il-miġemgħa li tagħraf b’mexxej tagħha lil Sidna Ġesu’ Kristu…

“Għaliex għamiltilna hekk?!… konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma”… b’dan il-kliem minn fomm Marija Dejjem Verġni li jikxef il-qalb tagħha u ta’ żewġha Ġużeppi quddiem dan il-misteru ta’ ġuvnott ta’ tnax-il sena, Iben Alla magħmul bniedem, nixtieq li nħallu lilna nfusna niġu mmexxija f’din ir-riflessjoni f’din l-għodwa tad-19 ta’ Marzu.

sanguzeppDin il-mistoqsija ta’ Marija u ta’ Ġużeppi, hija leġittima fuq żewġ livelli. L-ewwelnett il-livell uman, għax kull bniedem, l-ulied ukoll, huwa misteru fih innifsu… “min jifhem moħħ u qalb il-bniedem?” jistaqsu l- Kotba Mqaddsa. Ilkoll nafu mill-esperjenza li aħna mhux dejjem nifhmu għal kollox lil dawk qrib tagħna. Ukoll il-ġenituri, ma jifhmux għal kollox lil uliedhom għax għalkemm huma għadamhom u laħamhom fittrobbija jintebħu li sa mill-bidu huma indipendenti saħansitra fiddipendenza tagħhom. It-tieni nett, il-mistoqsija ta’ Marija u Ġużeppi hija leġittima fuq livell spiritwali jew sopranaturali. Għax Sidna Ġesù mhuwiex biss tassew bniedem imma wkoll l-Iben ta’ Alla li kixef lilu nnifsu quddiemna. U l-istess dinamika taħdem miegħu bħal firrelazzjonijiet umani, għax għalkemm nafuh, xorta waħda lil Alla ma ngħarfuhx bis-sħiħ. (Ġer 9:23, 24; Dan 11:32; Ġw 17:3; Gal 4:8-9; 1 Ġw 4:4-8; 5:18-21). Quddiem Alla li hu infinit, l-intellett tagħna huwa finit, quddiem Alla li hu waħdu l-Qaddis u l-għajn tal-perfezzjoni, aħna midinbin u imperfetti. U għaldaqstant, din trid tfisser il-mistoqsija ta’ Marija u Ġużeppi, ħierġa minn qalb u moħħ li jixtiequ jifhmu. jifhmu lil dan l-Iben afdat f’idejhom. Diġà ħuti għeżież fit-telfa ta’ Ġesu’ fit-tempju u fit-tfittxija ta’ Marija u Ġużeppi, fil-mistoqsija tagħhom “għaliex għamiltilna hekk” għandna l-eku tal-misteru tal-Għid, dak il-mument li fih id-dixxipli tilfu lil Ġesu’ fuq is-salib u l-mewt għal tlett’ijiem, ilmument li fih in-nisa twajba, Pietru u Ġwanni marru jfittxuh fil-qabar bla ma sabuh, għax hu kien fi ħdan il-Missier. “Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri, f’dak li hu ta’ Alla?”

Ħuti l-aktar għeżież, f’dan il-jum ikkonsagrat bit-tifkira ta’ Ġużeppi irraġel gust, li qisu dawl kiebi ta’ sigurtà u wens fid-dlam tal-biża’ li qed jaħkem id-dinja mimlija insigurtajiet, ejjew infittxu lil Kristu fuq leżempju ta’ Ġużeppi u Marija. Infittxuh ħuti l-aktar għeżież u jekk inħossu li Kristu naqasna, ma nifhmux kif jimxi magħna, ma nibżgħux nagħmlulu l-mistoqsija: “Għaliex għamiltilna hekk?” Inħalluh lil Kristu jgħallimna nfittxuh f’dak li hu ta’ Alla. Jekk inpoġġu lil Alla fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, żgur li bħal Ġużeppi u Marija insibuh u nsibu lilna nfusna fih. Għeżież devoti dan il-kbir Patrijarka Ġużeppi ta’ Nazaret jgħallimna nieħdu ħsieb lil Kristu, ma nittraskurawhx, ngħożżuh u nieħdu ħsiebu u naħarbu minn quddiem dak kollu li jhedded li joqtol lil Kristu fina. Hekk għamel Ġużeppi huwa u jagħżel li jilqa’ lil Marija minkejja li tqalet u nisslet Iben li ma kienx tiegħu, hekk agħmel huwa u jaħrab lejn l-Eġittu, hekk għamel huwa u jfittex lil Ġesù f’Ġerusalemm qalb il-folol.

IMG_20140318_184011Inħoss li dan huwa l-ewwel messaġġ li Alla qiegħed jagħtina llum f’din is-solennità tal-Patrijarka San Ġużepp, dak li l-Knisja dejjem sejħitlu bħala custos, “kustodju”, “dak li jieħu ħsieb”, dak li “Alla afdalu f’idejh”. Ġużeppi huwa l-mera li fiha għandna naraw lil nfusna. Aħna min aħna, hi x’inhi r-responsabilità u l-qasam li fih ninsabu ejjew nifhmuha li aħna biss kustodji, dawk li nieħdu ħsieb dak li ġie afdat f’idejna. Dan hu l-post u r-rwol tagħna fid-dinja, f’kull qasam tas-soċjetà, sew jekk ċivili, ekklezjastiku, politiku. Aħna biss kustodji ta’ xi ħaġa ikbar minna, ta’ xi ħaġa li rċevejna mingħand Alla u mingħand ta’ qabilna. U ġaladarba aħna kustodji, ħarriesa, irċevejna wkoll ir-responsabilità li ngħaddu lil ta’ warajna dak li aħna writna. Għaldaqstant ħuti l-għeżież ma nistax hawnhekk ma nagħmilx l-appell tiegħi lil dawk li f’idejhom hija afdata xi responsabilità ċivili jew ekkleżjastika, treġuniex daqs li kieku konna tagħkom! Reġuna, mexxuna, ħarsuna b’għaqal li ma jarax biss l-issa, limmedjat imma wkoll il-ġejjieni. Ftakru li “lil min afdawlu ħafna jippretendu ħafna min għandu” u li lkoll kemm aħna għad ngħaddu millġudizzju tal-istorja. Kunu konxji li dak li għandkom f’idejkom mhuwiex tagħkom, mhuwiex għall-qadi tagħkom imma jinsab f’idejkom sabiex intom tħarsuh u tippreservawh mit-taħsir u l-għelt. Id-dixxerniment serju jitlob li mhux biss niddeċiedu fuq dak li għandu jsir fl-issa tal-istorja, u taċ-ċirkustanzi li jitolbu azzjoni immedjata, imma wkoll fl-effett u l-konsegwenzi fil-ġejjieni tad-deċiżjonijiet li nkunu ħadna. Ejjew ma nagħmlux friegħ għomja, għax jekk it-tnikkir huwa perikoluż, mhux inqas l-għaġġla żejda.

F’dan Ġużeppi jgħallimna lilna lkoll bħala kustodju, ħarries prudenti.

Ta’ xhiex kien ħarries Ġużeppi ta’ Nażaret? L-ewwel u qabel kollox Ġużeppi kien afdat minn Alla “bil-misteru tas-Salvazzjoni sakemm kien għadu fil-bidu tiegħu” kif ngħidu fil-kolletta –it-talba tal-bidu- talquddiesa ta’ llum. San Pawl fuq dan il-misteru jgħidilna li “kien moħbi sa minn dejjem u li issa ġie rrivelat lilna”, mikxuf quddiemna. Dan ilmisteru, l-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, ġie mgħarraf lil Ġużeppi ir-raġel ġust. L-Iben ta’ Alla, għalina u għas-salvazzjoni tagħna, jsir bniedem bħalna biex jieħu fuqu n-natura tagħna l-bnedmin u hekk ikun jista’ jagħtina dak kollu li hu tiegħu ta’ Alla. Dan hu l-mirabile commercium, din il-bidla tal-għaġeb, li fiha Alla jsir bniedem biex il-bniedem jieħu sehem mill-ħajja ta’ Alla. U proprju f’dan il-misteru San Ġużepp kien ħarries tas-Saltna ta’ Alla, ġaladarba Kristu huwa s-Saltna ta’ Alla fostna. “Dan hu l-qaddej fidil u għaqli li Sid qegħdu kap fuq il-familja tiegħu”. F’dan Ġużeppi kien qed jgħix tassew il-missjoni ewlenija ta’ kull bniedem: dik li jħares il-ħolqien afdat f’idejh. Jekk immorru lura lejn ilĠenesi, nindunaw li l-ewwel kmand ta’ Alla lill-bniedem kien li jieħu ħsieb l-art, il-ġnien ta’ Alla, is-Saltna tiegħu. Nafu biżżejjed minn dak li naraw, nisimgħu u ngħixu id-diżastri globali – pajjiżna nkluż – fuq livell ekoloġiku, soċjali u ekonomiku, li kollha jiġu għax ninsew li aħna biss kustodji, ħarriesa ta’ dak li rċevejna minn fuq u mingħand ta’ qabilna.

Giovanni Battista TiepoloKemm ċirkustanzi u mġieba tikxifna li aħna naħsbu li x-xemx twieldet magħna! Il-ħarries ħuti l-għeżież huwa xempju tal-umilta. Umiltà! Umiltà! Umiltà! Din il-virtu tant nieqsa fina. L-umiltà li hija virtù divina, mhux għax inbaxxu lilna nfusna, iżda għax tgħallimna nżommu postna ta’ li aħna u mhux naħsbu li lħaqna s-sema b’idejna. L-umiltà tgħallimna ngħixu fil-verità dwarna nfusna u dwar il-qagħda tagħna u għaldaqstant jekk għandna naġixxu, naġixxu dejjem minn din il-verità.

Minn din l-ewwel missjoni tiegħu ta’ ħarries tas-Saltna ta’ Alla, hu li ġej min-nisel ta’ David is-Sultan, Ġużeppi tgħallem ma’ jaqax fl-iżball ta’ David huwa hu jiggverna fuq il-poplu li ġie afdat f’idejh minn Alla. Liżball ta’ David kien li kibritlu rasu, ħaseb li l-poplu issa sar tiegħu u ma baqax ta’ Alla. Ilkoll nafu ħuti għeżież kif ipprostitwixxa lil Batseba u qatel lir-raġel tagħha Urija biex ipaxxi l-kilba tiegħu u jeħodha u jagħmilha tiegħu. Ilkoll nafu x’diżgrazzja ġab f’daru u fuq il-poplu tiegħubl-arroganza u bin-nuqqas ta’ prudenza fit-treġija tal-poplu li Alla afdalu f’idejh. Ġużeppi mid-dar ta’ David, bl-umiltà u bil-prudenza tiegħu tiegħu ġie magħżul minn Alla biex ifejjaq l-arroganza u n-nuqqas ta’ prudenza millarblu tar-razza ta’ David missieru. L-Evanġelji ta’ Mattew u Luqa jaqblu li hu ġej min-nisel ta’ David. Mattew l-ewwel iniżżel lil Ġużeppi mil-linja diretta ta’ Salamun u allura, skont l-għażla ta’ Alla, fuqu kellha taqa’ bi dritt l-għażla għat-treġija tal-poplu. Alla f’Ġużeppi ireġġa’ lura s-saħta li sawwab fuq Salamun u d-dixxendenza tiegħu permezz ta’ Ġeremija l- Profeta 22:30:

“Iktbu ‘l dan ir-raġel
bħallikieku bla tfal,
bniedem bla riżq f’ħajtu.
Għax ħadd minn nislu ma jirnexxilu
jsib post fuq it-tron ta’ David,
u jerġa’ jsaltan fuq Ġuda.”

Min-naħa l-oħra, skont San Luqa, Ġużeppi huwa bin David min-Natan, ħu Salamun, iben David u Betsabea, il-mara ta’ Urija. Araw l-istorja tassalvazzjoni: Alla b’Ġużeppi ir-raġel gust isaffi d-dinastija Davidika u jġibha għal li kienet fil-bidu meta waqgħet l-għażla fuq David il- Betlemita, rgħaj tan-ngħaġ. F’Ġużeppi, li jħares lil Marija, Alla jfejjaq ladulterju u d-dnub ta’ David li ma ħarisx lil Betsabea, il-mara li ma kenitx tiegħu. Bil-qalb ħelwa u umli ta’ Ġużeppi, Alla jfejjaq u jirrimedja larroganza u n-nuqqas ta’ prudenza ta’ David. “Henjin ta’ qalbhom ħelwa u umli” jgħidilna Ġesù “għax huma jkollhom b’wirthom l-art.” Bil-qalb ħelwa u umli tiegħu Ġużeppi seta jħejji l-miġja ta’ Ġesù l-Iben ta’ Alla. Għalhekk Ġużeppi jissejjaħ Dawl tal-Patrijarki, għax dak li stennew u ħejjew huma, wasal fil-milja tiegħu f’Ġużeppi. Il-Papa Piju IX fil- Quemadmodum Deus jgħallimna li “dak li tant slaten u profeti xtaqu jaraw, Ġużeppi mhux biss rah imma tħaddet miegħu u ħaddnu miegħu b’imħabba ta’ missier”.

Ġużeppi huwa ta’ qalb ħelwa u umli għax għex fil-verità, ma ħarabx minnha u din l-umiltà wasslitu biex jaġixxi bi prudenza fid-deċiżjonijiet li kellu jieħu fiċ-ċirkustanzi li sab ruħu fihom. Narawh lil Ġużeppi, iqis u jerġa’ jqis hekk kif tgħarras max-xebba Marija, u jsir jaf li tqalet bilħidma tal-Ispirtu s-Santu. Ġużeppi r-raġel gust, bil-prudenza u ddixxerniment serju fid-dawl ta’ Alla, ma jeħux deċiżjoni mgħaġġla, ukoll jekk permessa mil-liġi ta’ Mose. Ġużeppi, jistenna, jiddixxerni, jgħarbel bi prudenza kbira, u dan sewa biex ħares lil Marija, lil binha Ġesu, u s- Saltna ta’ Alla. Il-prudenza ħuti għeżież, hija virtù oħra nieqsa mid-dinja tagħna, aħna li drajna f’kultura tal-immedjat! Il-prudenza hija dik li tmexxi kull virtù oħra, speċjalment f’min tħalliet f’idejh ir-responsabilità li jrieġi persuni oħra u d-destin tgaħhom. Ġużeppi kien jaf li Marija u Ġesu’ mhumiex tiegħu, u meta għaraf dan mexa bi prudenza, huma saru tiegħu bl-iktar mod sħiħ u sabiħ.

Rabat, Malta

It-tradizzjoni tal-Knisja fil-Lvant u l-Punet sa mill-qedem iżżomm li Ġużeppi, ir-raġel ġust, kien armel mill-ewwel żwieġ ma’ Salome. Raġel misjur biż-żmien imma fl-istess ħin surtu u l-bixrietu baqgħet ta’ raġel flaħjar tiegħu. Mill-ewwel żwieġ jgħidulna l-Proto-Evanġelju ta’ San Ġakbu fis-sena 150 WK u l-Ġrajja ta’ Ġużeppi li tmur lura għas-seklu 5 WK huwa kellu erbgħa subien u żewġt ibniet. Dan ir-raġel gust u armel jintgħażel biex jieħu ħsieb lil Marija li meta waslet għall-età taż-żwieġ, ħarġuha mit-tempju fejn kienet ġiet ippreżentata mill-ġenituri tagħha Ġwakkin u Anna u bdew ifittxu raġel gust li seta’ jeħodha f’daru u jirrspettaha għal dak li kienet: il-magħżula ta’ Alla. L-għażla taqa’ fuq Ġużeppi, it-tekton, preċiżament naġġar mhux mastrudaxxa, imma mgħallem tax-xogħol. U taqa’ fuqu għax hu xiħ. Xiħ mhux biss flgħomor imma xiħ fil-prudenza, fl-għerf. L-Evanġelji lil Ġużeppi jsejħulu ġust – tzadiq – jiġifieri, “għaref”, speċjalment fejn tidħol il-liġi ta’ Alla. Mela huwa r-raġel għaref, gust, prudenti, u mgħallem. F’kelma waħda hu r-raġel magħmul, matur, li tista’ tistrieħ fuqu. U intom tafu bl-esperjenza, għeżież devoti ta’ dan il-Patrijarka, li Ġużeppi ta’ Nażaret huwa ta’ min jistrieħ fuqu. Mhux ta’ xejn li hawn tintasbu f’kull hemm tagħkom, quddiem Ġużeppi tagħkom li b’ħafna affett issejħulu x-Xiħ!

Xiħ Ġużeppi għax la hu żgħir wisq u lanqas kbir wisq. Eżatt dak li hu meħtieġ f’persuna li tingħatalha t-treġija u l-ħarsien ta’ oħrjan. Mhux żgħir wisq, għax għalkemm ikollu ideali għolja, in-nuqqas ta’ prudenza tirvina lilu u lil min jitmexxa minnu. Mhux kbir wisq għax l-eta’ tagħmel tagħha hekk li ma jkollux saħħa biżżejjed biex imexxi. Araw f’Ġużeppi ta’ Nażaret jitwaħħdu flimkien l-għerf tax-xjuħija u l-ħeġġa taż-żgħożija għall-qadi tas-Saltna ta’ Alla. Mhux ta’ xejn li Ġużeppi huwa mudell talħajja kontemplattiva, u mhux ta’ xejn li l-“kult sħiħ” tiegħu, kif jagħraf il- Papa Benedittu XIV fil-Knisja tal-Punet daħal permezz tal-Ordni Karmelitan, li jiġbor fih l-għerf tar-riflessjoni – jew kontemplazzjoni – marbuta max-xjuħija u, l-ħeġġa profetika ta’ Elija marbuta mal-enerġija taż-żgħożija, Elija li dejjem iħaddar. bħal Ġużeppi l-ġust li “hu bħal siġra mħawwla ħdejn in-nixxigħat tal-ilma li tagħmel il-frott fi żmienha u lweraq tagħha ma jidbielx, hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.”

Ma jfissirx li qabel il-Karmelu, Ġużeppi ma kienx igawdi stima. Lanqas xejn. Insibu diġa’ kitbiet u devozzjoni lejh. Imma meta l-ewwel Karmelitani fis-seklu 13 kellhom jaħarbu mill-Karmelu u jixterdu fl- Ewropa, minħabba t-taqbid tal-Qawwiet Insara ma’ dawk tal-Islam, huma ġabu magħhom id-devozzjoni lejn San Ġużepp. Kif jixhdu l-magħruf Abbati Benedittin Johannes Trithemius (1462-1516) u l-Papa Benedittu XIV (1675-1758) “il-fehma ta’ l-istudjużi iżżomm li kienu l-Patrijiet Karmelitani l-ewwel li ġabu magħhom mil-Lvant lejn il-Punent, iddrawwa ta’ min ifaħħarha, tal-kult sħiħ lejn San Ġużepp” (De Serv. Dei beatif., I/iv, 11; I/xx, 17).

Bl-espressjoni “kult sħiħ”, il-Papa kien qed jifhem li l-qima lejn San Ġużepp fil-Karmelu ma kenitx biss qima devozzjonali u privata, imma wkoll liturġika. Fil-fatt il-liturġija tal-Ordni Karmelitan għall-festa ta’ San Ġużepp nisġa ta’ testi bibliċi u minn kitbiet oħra bikrija, mogħnija milllirika tal-Poeta Rinaxximentali, il-Karmelitan il-Beatu Battista Spagnoli ta’ Mantova (1447-1516), li minnu xorbu saħansitra Milton u Shakespeare hija meqjusa mill-istudjużi bħala “l-ewwel monument tal- Knisja Latina f’ġieħ ta’ San Ġużepp”.

Saint JosephGħax kif jgħallmuna Missirijietna l-qadddisa li “huwa proprju ta’ l-Ordni tagħna li nagħtu qima speċjali lil San Ġużepp u ħafna minn tagħna ħadmu qatigħ biex ixerrdu d-devozzjoni lejh.” Kien imbagħad il-Papa Sistu IV (1414-1484) li niżżel fil-Kalendarju Liturġiku tal-Knisja id-19 ta’ Marzu bħala jum it-tifkira ta’ San Ġużepp u flimkien ma’ Ordnijiet oħra bħad- Dumnikani, l-Franġiskani u s-Servi ta’ Marija, li għożżew u xerrdu wkoll il-qima lejn San Ġużepp ingħaqdet il-Knisja Universali. Mill-Karmelu wkoll ħarġet il-festa, illum b’xorti ħażina abolita mill-Konċilju Vatikan II, tal-Patroċinju ta’ San Ġużepp Festa li l-Papa Piju IX fl-1847 estendiha mill-Karmelu għall-Knisja Universali. Kemm neħtieġu llum insejħu fuqna, fuq il-Knisja, fuq id-Dinja u mhux inqas fuq Malta tagħna, il- Patroċinju ta’ dan il-qaddej ġust ta’ Alla li bħal Ġużeppi tal-Ġenesi Alla għamlu Prinċep biex imantni d-dar ta’ Israel fi żmien in-nixfa fl-Eġittu. Aħniex ħuti għeżież ngħixu f’nixfa kbira, aħniex imjassrin fl-Eġittu lġdid ta’ paganeżmu prattiku. Insejħu fuqna llum il-Patroċinju ta’ Ġużeppi għax hu f’ħajtu kellu x-xorti li jgħix f’familjarità umana u spiritwali ma’ Ġesù u Marija kemm waqt il-mistrieħ u kemm waqt il-ħidma. Bħala Karmelitan, li mill-Karmelu xrobt l-imħabba lejn Ġużeppi ta’ Nażaret, nagħmlilkom din is-sejħa, lilkom ilkoll devoti ta’ San Ġużepp, li qalbkom tbaqbaq kif tisma’ dan l-isem ta’ dan il-kbir Patrijarka, ejjew bħalu nifhmu li aħna msejħin, il-ħin kollu, inkunu qrib Ġesù u Marija. Huwa għalhekk li Santa Tereża ta’ Ġesù (1515-1582), għalliema tal-ħajja tattalb, fil-Ktieb tal-Ħajja (V/1.3; VI/3.6-8) tistqarr li meta bdiet tieħu bisserjetà is-sejħa tagħha għall-ħajja ta’ talb ħadet bħala avukat u patrun tagħha lill-glorjuż Patrijarka San Ġużepp u ntelqet f’idejh bl-akbar ħeġġa fit-talb tagħha. Lilu hija taf il-fejqan mill-paraliżi fiżika li ħakmitha, paraliżi li kienet mhux biss sintomu ta’ fraġilita fiżika imma wkoll ta’ fraġilita’ spiritwali, aktarx frott ħajja medjokri fil-mixja tagħha wara Kristu. Nieħduh lil Ġużeppi bħala l-protettur tal-ħajja ta’ Kristu, biex iqajjimna mill-medjokrita u l-paraliżi li fiha ninsabu fl-għixien tal-fidi tagħna. Nieħdu l-parir ta’ Santa Tereża li tħajjar “lil kulħadd ħalli jkun devot ta’ dan il-Qaddis glorjuż, għax issa” tgħid hi “għandi esperjenza kbira tal-barkiet li jista’ jaqlgħalna mingħand Alla. Jiena ma naf b’ħadd li huwa tassew devot tiegħu u li jqimu b’qadi partikulari, li ma mexiex sewwa ‘l quddiem fil-virtù, għax dan il-Qaddis jagħti għajnuna ta’ l-akbar fejda lil dawk l-erwieħ li jintelqu f’idejh.” Ejjew nieħdu lil dan il-Qaddis glorjuż bħala għalliem tiegħna u żgur li ma noħroġux mit-triq it-tajba.

Jistħoqqlu tassew ġieħ partikulari San Ġużepp. Għax kif qatt nistgħu aħna ninsew lil dak li tant kien iħobb lill-Omm l-aktar helwa tagħna. Alla ried li San Ġużepp ikun għal Ġesù missier bid-dmirijiet u d-drittijiet kollha. Għalhekk tah qalb ta’ missier mimlija mhabba tenera u naturali u mżejjen ukoll b’imħabba sopranaturali lejn l-Iben putattiv tiegħu. Din l-imħabba kienet tikber għas-sbuħija u l-ħlewwa li kienu jidhru fit-tfajjel divin u wkoll għar-radd ta’ ħajr u l-ubbidjenza li bihom Ġesù kien ipatti għal din limħabba ta’ missier li sab f’San Ġużepp. B’liema ferħ, San Ġużepp kien iħaddan miegħu lit-tfajjel divin, jimlih bil-bews waqt li minnu jisma’ l-isem ħlejju ta’ missier! B’liema stagħġib u rispett kien jikkontempla dak kollu li Ġesù kien jagħmel! B’liema dedikazzjoni u attenzjoni kien ifittex li jagħmilha ta’ missier għat-tfajjel divin biex jagħtih il-meħtieġ mingħajr ma joqgħod iqis it-taħbit u s-sagrifiċċji! Il-ħajja ta’ San Ġużepp hija kopja perfetta tal-ħajja ta’ Ġesù u ta’ Marija. Ħadd qatt ma resaq lejhom daqsu! Huwa fil-fatt kien jagħmel dak kollu li kien jogħġob lil Ġesù u lil Marija u qatt ma għex għal xejn aktar jekk mhux għal dawk li hu kien iħobb. Kollox għalihom kien jagħmel u għalihom ħela saħħtu kollha. Għalihom l-ebda sagrifiċċju ma kien iħossu tqil u esaġerat. Għalihom huwa ċahad kollox, għax għalih huma t-tnejn kienu kollox. Liema eżempju ta’ l-għaġeb ħallielna San Ġużepp! Kif ma ngħażluhx bħala mudell għal ħajjitna biex bħalu għal Ġesu u għal Marija inkunu lesti nagħmlu kollox

U issa qabel nagħlaq din ir-riflessjoni tiegħi f’din l-għodwa sabiħa u ħelwa tad-19 ta’ Marzu, ndur lejk o mqaddes Ġużeppi biex nitlob fuqna, fuq il-Knisja ta’ Alla, fuq id-Dinja u fuq Malta tagħna, il-patroċinju tiegħek. Il-ħarsien tiegħek, fuqna lkoll hawnhekk devoti tiegħek miġburin f’dan is-Santwarju li int għażilt f’din id-dar ta’ wlied Franġisku l-Fqir u l- Umli u li huwa l-qalba tal-Arċikonfraternità lilek iddedikata.

San Guzepp

Inti taf li globalment għaddejjin minn taqlib ekoloġiku, kulturali, politiku, ċivili u reliġjuż. Taqlib li xi drabi nħossuh ikbar minna, taqlib li mhux dejjem nafu kif għandna nġibu ruħna fih u quddiemu. Dan it-taqlib iġib miegħu tibdil, imma mhux kull tibdil huwa tajjeb. O Mqaddes Ġużeppi, aħna nduru lejk illum fil-jum ta’ twelidek ghas-sema u b’ħerqa kbira nitolbuk tifħilna għajnejna, int li doqt il-periferija fid-dinja li fiha għext. Inti u flimkien miegħek Ġesu u Marija, inti mill-periferija ta’ Nazaret, inti emigrat fl-Eġittu, inti mfittex u ppersegwitat minn Erodi t-Tetrarka. Iftħilna għajnejna sabiex ma nibżgħu qatt inkunu fit-tarf ma’ min hu mtarraf, hu min hu u hi x’inhi l-qagħda soċjali, il-lewn ta’ ġildu, lorjentazzjoni li tidentifikah. Għinna ngħożżu l-familja, iċ-ċellula ta’ soċjetà b’saħħitha u biegħed minna it-tumur li qed inawwar il-valur talirġulija u s-sewwa fir-relazzjonijiet li fihom aħna ngħumu. Nitolbuk inti li ġejt afdat bit-treġija ta’ persuni u sitwazzjonijiet li kienu ikbar minnek, wieżen lill-mexxejja ta’ art twelidna, sew reliġjużi u sew ċivili u politiċi, ħares lejhom b’ħarsa ta’ ħniena għax huma wkoll igorru fuq sallejhom ittreġija ta’ xi ħaġa li hija ikbar minnhom. U b’dawn is-sentimenti f’qalbna, inqegħdu quddiemek illum dak kollu li hemm f’qalbna u b’fiduċja u tama sħiħa ntennulek minn qiegħ qalbna:

O Mqaddes Ġużeppi, fil-hemm li fih ninsabu, lejk nirrikorru u b’tama qawwija nsejħu l-patroċinju tiegħek, wara dak tal-Għarusa Mqaddsa tiegħek. Mela f’ġieħ dik ir-rabta għażiża ta’ mħabba li biha kont marbut max- Xebba bla tebgħa, omm Alla, u f’ġieħ dik l-imħabba ta’ missier li biha ħabbejt lit-tfajjel Ġesù, nitolbuk li tħares ħarsa ħelwa lejn il-wirt għażiż, li Ġesù Kristu rebaħ b’demmu, u bis-setgħa u bil-għajnuna tiegħek tidħol għalina fil-bżonnijiet tagħna. Kif int, O Ġużeppi, kont taħseb f’din l-art għall-Familja Mqaddsa u tħarisha, hekk ukoll ħu ħsieb tal-familja maħtura ta’ Ġesù Kristu. Eqred minn ġo nofsna, Missier ħanin, din il-pesta ta’ erruri u ta’ ħażen li qegħdin imarrdu d-dinja. Ieqaf magħna mis-smewwiet, f’din il-gwerra li għandna mal-qawwa tad-dlamijiet, O Protettur qawwi tagħna. U kif darba ħlist mill-mewt lill-Bambin Ġesù, hekk issa iddefendi l-Knisja Mqaddsa t’Alla mit-tnassis tal-għedewwa u minn kull hemm. Xerred dejjem fuq kull wieħed u waħda minna l-patroċinju tiegħek, sabiex bl-eżempju u bil-għajnuna tiegħek, nistgħu ngħixu ħajja qaddisa, nagħmlu mewta tajba, u naqilgħu l-hena ta’ dejjem ġewwa l-ġenna. Ammen.

VIVA L-KBIR PATRIJARKA SAN ĠUŻEPP

Patri Charlo Camilleri O.Carm

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook