“Illum il-Mulej Alla tiegħek jamarlek li tqiegħed fil-prattika il-liġijiet u tosservahom b’qalbek kollha u b’ruħek kollha”. Dan il-kmand ta’ Alla fl-ewwel qari tal-quddiesa ta’ llum meħud mid-Dewteronomju, jiġifieri il-Ktieb tat-Tieni Liġi (wara l-Kmandamenti) ifakkarna fil-qalba tal-liġi ta’ Alla, li Ġesu’ nnifsu jfakkarna fiha fl-Evanġelju: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek, b’qalbek kollha b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u bil-qawwa tiegħek kollha.”
Dan il-kmand Alla tah lill-poplu tiegħu fid-deżert qabel daħal fl-Art Imwegħda għax il-ġenerazzjoni ta’ Lhud li għamlu esperjenza personali tal-ħruġ mill-Eġittu kienet ġa mietet. F’40 sena fid-deżert laħqet twieldet u qamet ġenerazzjoni oħra li ma għamlux esperjenza tal-qawwa ta’ Alla fil-ħruġ mill-Eġittu, mill-jasar tal-Fargħun. Kien meħtieġ mela li l-poplu tad-deżert ma jinsiex dak li għamel Alla, imma jiftakar dejjem u jobdi lil Alla. Il-qari ta’ llum jiġi wara sett ta’ liġijiet aħsuba biex il-poplu meta jidħol f’Kangħan ma jiddakkarx mill-pagani imma jibqa’ jidher li hu ta’ Alla. Ġesu’ fl-Evanġelju ta’ llum iwissina u jħeġġiġna biex nkunu perfetti bħal Alla Missierna u b’hekk nidhru li aħna wliedu tassew. Nistaqsu lilna nfusna fil-fatt kemm fil-prattika nafu li aħna ta’ Alla u kemm nidhru li aħna hekk tassew fi ħsiebna f’għemilna, u fl-għażliet tagħna. Nagħmlu ezami tal-kuxjenza u naraw għadniex fil-fatt pagani lebsin il-libsa tal-magħmudija!
Go Ahead, Leave A Comment