Wieħed mill-attrazzjonijiet fil-Knisja tal-Karmnu fl-Imdina, kien il-presepju li jmur lura għall-aħħar tas-seklu 19, bidu tas-seklu 20. Ix-xjuħ tal-Imdina jgħidu li dejjem jiftakruh fil-Knisja, fil-kmajra tonda in-naħa tax-xellug eżatt kif tidħol fil-Knisja. Dal-presepju, maħdum mill-gazzetti, karti, u kartun kien ikun armat is-sena kollha bil-pasturi tat-tafal u l-kartapesta, li fadal biss xi ftit minnhom, maħdumin mill-patrijiet stess. Il-presepju kellu xena miżbuha fuq il-ħajt tal-kmajra, drapp blu skur bil-bozoz warajh kien jagħti dehra ta’ sema, il-grotta ewlenija in-naħa tax-xellug bi panura quddiemha mimlija ngħaġ u pasturi fuq wara u n-naħa tal-lemin, djar u belt ċkejkna u xi gġerien oħra. kellu wkoll l-anġli mdendlin fl-arja iħabbru t-twelid ta’ Sidna,
Biż-żmien, għax dejjem kien jinsteraq xi pastur jew tnejn żdidulu oħrajn tat-tafal u l-kartapesta maħdumin fil-forma mill-Italja. Dan il-Presepju baqa’ marbut ma’ P. Telesfru, Karmelitan ta’ fama qaddisa, magħruf għat-tjubija tiegħu u għall-mod devot u miġbur li bih kien joffri s-sagrifiċċju tal-quddiesa. Dawk li jiftakruh baqgħu isemmu kif il-quddiesa tiegħu kienet ittul xi ftit iktar minħabba li waqt il-konsagrazzjoni kien bħal donnu jinsa li qed jgħix fiż-żmien u jintilef quddiem l-Ewkaristija f’idejh. P. Telesfru, li miet fis-snin sebgħin, kien dejjem jirranġa f’dal-presepju u jżid u jaħdem il-pasturi. dawk li kienu għadhom tfal dak iż-żmien, meta jasal il-Milied kienu jehdew jgħinuh iħejji dal-presepju għall-festi tal-Milied bid-dwal, jirranġa xi pastur, u l-bqija.
Sfortunatament dan il-presepju therra biż-żmien hekk li ma baqax ikun miftuħ fil-jiem tal-Milied. Il-patrijiet bħal donnhom qatt ma riedu jmissuh, minħabba t-tifkira qaddisa ta’ P. Telesfru. Biex jitranġa u jissewwa kien meħtieġ li jiżżarma kollu u jinbidlulu partijiet sħaħ li sfrundaw. Il-parir kien li jiżżarma u jsir ieħor ġdid. Għaldaqstant ħadd ma ried jieħu dal-pass minħabba r-rabta sentimentali ma’ P. Telesfru.
Għal xi snin is-Sur Alfred Tonna kien jarma l-presepju fil-kantina jew f’xi post ieħor fl-Imdina għall-wiri fi żmien il-Milied.
Din is-sena, iddeċidejna li nżarmaw dan il-presepju “ta’ P. Telesfru” u naħdmu ieħor ġdid b’xebħ miegħu, l-ewwelnett sabiex tinżamm it-tradizzjoni tal-presepju fil-Karmnu tal-Mdina bħala attrazzjoni u wkoll biex tinżamm it-tifkira ta’ P. Telesfru. Għaldaqstant iddeċidejna wkoll li jintużaw ukoll il-pasturi antiki tat-tafal ta’ P. Telesfru, dawk li ġew warajhom, u nżidu pasturi oħra adatti sabiex nimlewh. Il-Presepju li se jkun armat fil-Knisja qegħdin insjħulu presepju kateketiku, għax il-forma li fiha maħdum u l-elementi li se jkun fih kollha se jkollhom tifsira li tgħinna nieqfu nirriflettu dwar il-misteru tal-Inkarnazzjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.
Go Ahead, Leave A Comment