Il-Karmelitani jgħarfu bħala l-Missier Spiritwali tagħhom lill-Profeta Elija li minnu jieħdu l-ispirazzjoni għall-ħajja tagħhom Karmelitana. Il-Kostituzzjonijiet Karmelitani jiġbru fil-qosor min hu l-Profeta Elija għall-Karmelitani billi jfakkruna li
“Fi żmien il-Kruċjati lejn l-Art Imqaddsa, xi eremiti ntasbu f’diversi nħawi tal-Palestina. Xi wħud minnhom fuq l-eżempju ta’ Elija raġel qaddis u ħabib tas-solitudni, għażlu għalihom il-ħajja ta’ waħedhom fuq l-Għolja Karmel biswit l-Għajn imsejħa l-Għajn ta’ Elija. F’ċelel żgħar, jixbħu ċ-ċellula tax-xehda huma għexu bħan-naħal tal-Mulej, jaqtgħu l-għasel divin tal-hena spiritwali.”
“F’Elija naraw il-Profeta solitarju li qata’ l-għatx għal Alla wieħed u veru billi għex fil-preżenza tiegħu. Huwa l-kontemplattiv imħeġġeġ bl-imħabba taqbad għal Alla. Huwa bħal torċa taqbad u l-mistiku li wara l-għejja ta’ vjaġġ twil tgħallem jaqra s-sinjali tal-preżenza ta’ Alla. Huwa l-Profeta li kien jgħix ukoll qrib il-poplu u li bit-taqbida kontra l-idoli qarrieqa wasslu mill-ġdid lura lejn il-Patt ma’ Alla li hu Wieħed. Huwa l-Profeta li għex f’solidarjetà mal-forqa u l-minsija, li ddefenda lil dawk li batew il-vjolenza u l-inġustizzja.”
Minn Elija l-Karmelitani jitgħallmu jkunu bnedmin tad-deżert, b’qalb sħiħa,weqfin quddiem Alla, mogħtija bis-sħiħ għall-qadi tiegħu mingħajr kompromessi fl-għażla li jaqdu l-kawża ta’ Alla imħeġġin mill-fjamma tal-imħabba taħraq għal Alla. Bħal Elija jemmnu f’Alla u jħallu lilhom infushom jitmexxew mill-Ispirtu u mill-Kelma li tniżżel l-għeruq f’qalbhom sabiex jagħtu xhieda tal-preżenza ta’ Alla fid-dinja waqt li jħallu lil Alla jkun tassew Alla f’ħajjithom. Fl-aħħarnett, barra l-għerf profetiku, huma jaraw f’Elija bniedem komunitarju u flimkien miegħu jitgħallmu jkunu strumenti tal-imħabba ta’ Alla lejn il-foqra u l-umli.
Go Ahead, Leave A Comment